Il-Kardinal Mario Grech Bi Żjara Lill-Ogħla Awtoritajiet Tal-Pajjiż

 Il-Kardinal Mario Grech Bi Żjara Lill-Ogħla Awtoritajiet Tal-Pajjiż

Il-Kardinal Mario Grech dalgħodu għamel żjarat ta’ kortesija lill-ogħla uffiċjali tal-pajjiż, fosthom llill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Filwaqt li osserva kemm il-ħatra tal-Kardinal Grech fil-Konċistorju tas-Sibt, 28 ta’ Novembru li għadda fil-Vatikan intlaqgħet b’rispett, b’ferħ, u bi mħabba mill-Maltin u l-Għawdxin, il-President esprima ċ-ċertezza tiegħu li din il-pożizzjoni daqshekk prestiġġjuża fil-ġerarkija tal-Knisja se twassal biex fil-Karidinal Grech ikompli jispikka l-valur tal-umiltà.

Żied jgħid li, tul is-snin, il-poplu Malti kien xhieda mhux biss tal-umiltà, iżda wkoll tal-kompassjoni, tal-intelliġenza, u tad-determinazzjoni li dejjem spikkaw f’kull funzjoni li qeda l-Kardinal Grech.

Aktar tard, il-Kardinal kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja. Akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela, il-Prim Ministru fisser din l-okkażjoni bħala waħda ta’ ferħ, ta’ għaqda u ta’ kburija nazzjonali. Qal li l-Eminenza Tiegħu kien dejjem vuċi soda biex jagħti kuraġġ u joffri t-tama u biex jingħelbu l-preġudizzji ta’ madwarna fosthom għal dawk li jħossuhom iżolati.

Dr Abela qal li huwa ċert li l-elementi li sawru lil Mario Grech waqt ix-xogħol pastorali tiegħu bħala Isqof fil-komunità speċjalment dik Għawdxija, se jagħmlu d-differenza anke bħala Kardinal biex il-Knisja Kattolika tersaq iktar lejn in-nies u l-familji.

F’isem il-poplu u l-Gvern Malti, il-Prim Ministru awgura lill-Kardinal Grech ħidma fejjieda li se tkun qed tagħmel lil dan in-nazzjon iktar kburi milli diġà hu.

Aktar tard huwa kellu laqgħa wkoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com