Jason Azzopardi Jgħid Li Robert Abela falla T-Test Tal-Governanza Tajba
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem tiegħu għall-Ġustizzja u l-Kelliem Għall-Governanza t-Tajba Karol Aquilina qal li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna tikkonferma għal darb’oħra li Robert Abela u li l-Gvern immexxi minnu fallew it-test tal-governanza tajba u qed ikomplu jagħmlu ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Azzopardi li fl-aħħar ġimgħat reġa’ lura fil-Partit Nazzjonalista wara li kien biss imċanfar dwar ir-rigal li ngħata mill-Grupp Tumas fejn tħallsitlu l-akkomodazzjoni tiegħu f’lukanda lussuża f’Tel Aviv, qal li minflok mal-Prim Ministru ra kif għamel biex isaħħaħ l-istituzzjoni ta’ pajjiżna, għażel li jkompli jikkontrolla u jdgħajjef l-istituzzjoniiet ta’ pajjiżna għall-iskopijiet partiġġjani tiegħu.
Qal li pajjiżna għadu ferm lura milli jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropea dwar is-saltna tad-dritt biex tiġi żgurata ġustizzja fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
B’reazzjoni għar-rapport imħejji minn Pieter Omtzigt dwar Malta fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Gvern Malti qal li tul il-perjodu li s-Sur Omtzigt għamel rapporteur, il-Gvern Malti żamm kuntatt regolari miegħu b’aġġornamenti kontinwi fuq is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta. Minkejja dan kollu, qal li r-reżoluzzjoni ma tagħtix stampa ċara tal-ħidma mwettqa minn dan il-Gvern.
Il-Gvern tenna li fl-aħħar xhur, l-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela, wettqet riformi kostituzzjoni u istituzzjonali bla preċedent. Dawn ir-riformi ġew imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja fi ħdan l-istess Kunsill tal-Ewropa u mill-Kummissjoni Ewropea.