Il-Kabinett Japprova Abbozz Ta’ Liġi Biex Id-divorzju Jinkiseb Qabel Terminu Ta’ 4 Snin
Il-kabinett, illum, approva abbozz ta’ liġi li jemenda l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar se tkun qed tressaq l-ewwel qari ta’ dan l-abbozz llejla quddiem il-Parlament.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li x-xogħol fuq l-abbozz ta’ liġi kien jirrikjedi impenn qawwi legali li analizza d-dettalji tal-liġi preżenti.
Kif intqal f’bosta okkażjonijiet pubbliċi, il-Gvern jinsab kommess li jibdel din il-liġi li daħlet fis-seħħ kważi għaxar snin ilu. Dan l-abbozz ineħħi kull xkiel legali sabiex jindirizza aħjar ir-realtaijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern qal li dan l-abbozz ser inaqqas il-ħafna weġgħat u diffikultajiet li jinsabu fihom persuni f’din is-sitwazzjoni fosthom it-tfal, billi se jkun hemm tibdil fit-terminu ta’ żmien li wieħed irid jistenna sabiex ikun jista’ jikseb d-divorzju.
Tenna li qed jaħdem sabiex isiru t-tibdiliet u r-riformi neċessarji sabiex verament titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr distinzjoni jew oħra.
Il-Gvern qal li se jibqa’ kommess li jaħdem sabiex ir-realtajiet tal-familji Maltin u Għawdxin ma jkunux imwarrba jew impoġġija taħt it-tapit.
“Dan huwa Gvern li se jibqa’ jzomm idejh fuq il-polz tal-familji u se jibqa’ jaħdem sabiex il-familja tibqa’ tisaħħaħ permezz ta’ politika progressiva”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Gvern.