Mara U Tifel Ta’ 5 Snin Iweġġgħu F’Inċident Tat-Traffiku F’Għawdex
Mara ta’ 35 sena u tifel ta’ 5 snin miż-Żebbuġ, Għawdex, ittieħdu l-Isptar ta’ Għawdex wara inċident tat-traffiku.
Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tat-tmienja, meta l-Pulizija ntalbet tassisti fi Triq lImgħallem, iż-Żebbuġ, Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta, li għal xi raġuni, il-mara tilfet il-kontroll tal-karozza -Toyota Vitz- li kienet qed issuq u waqgħet f’għalqa, taħt il-livell tat-triq.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post sabiex jassistu filwaqt li l-vittmi ngħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħdu b’ambulanza l-isptar.
Il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi gravi, filwaqt li t-tifel sofra minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.