Imħabbar Ċermen Eżekuttiv Ġdid għall-Air Malta
David G. Curmi nħatar bħala ċ-Ċermen Eżekuttiv il-ġdid tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.
Il-ħatra tħabbret mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u qal li din il-ħatra se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi qal li Curmi għandu snin ta’ esperjenza fit-tmexxija ta’ diversi entitajiet pubbliċi u privati. Preżentamet qed iservi bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE MSV Life p.l.c. u fuq numru ta’ bordijiet ta’ kumpaniji, li jinkludu MAPFRE Middlesea p.l.c., MIDI p.l.c., Plaza Centers p.l.c. u Growth Investments Ltd.
Huwa wkoll iċ-Ċermen tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali u membru tal-Bord tal-Iskola tad-Dottorat fl-Università ta’ Malta.
Qabel dawn, is-Sur Curmi kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta u kif ukoll Ċermen ta’ Trade Malta Ltd. Huwa membru taċ-Chartered Insurance Institute tar-Renju Unit u kif ukoll Chartered Insurer.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “L-Air Malta qed tiffaċċja numru ta’ sfidi kbar li kibru minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Nemmen li s-Sur Curmi jista’ jġib impetu ġdid lil-linja tal-ajru Nazzjonali sabiex tikkonsolida l-oqsma li rnexxew, filwaqt li ttejjeb l-oqsma fejn dan ma seħħx. L-Air Malta hija entità strateġika ewlenija għal pajjiżna, timpjega mijiet ta’ ħaddiema u hija kruċjali għall-ħtiġijiet ta’ konnettività ta’ Malta bħala gżira. Għalhekk irridu naraw li tissaħħaħ, u nemmen li s-Sur Curmi jista’ jgħin sabiex jintlaħaq dan l-għan. ”
Il-Ministeru jixtieq jirringrazzja liċ-Ċermen uxxenti s-Sur Charles Mangion għax-xogħol li wettaq matul il-kariga tiegħu.