Neville Gafa Mhux Ħati Li Hedded Ġurnalist Taljan
Il-Qorti lliberat lill-ex uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafa minn kull akkuża li hedded lill-ġurnalist Taljan Nello Scavo. Gafa kien mixli li hedded lil Scavo f’messaġġ li tella’ fuq Twitter is-sajf li għadda.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea qalet li ma kinitx konvinta mill-allegazzjoni li għamel il-ġurnalist Taljan li jaħdem mal-gazzetta Taljana Avvenire.
Il-qorti nnotat ukoll li kienet stramba kif Scavo m’għamilx rapport fl-Italja. Sabet ukoll li l-ġurnalist Taljan naqas milli jispjega kif it-tweet ta’ Gafa kienet ta’ theddida għalih.
Fix-xhieda tiegħu, Gafa ċaħad l-intenzjoni li ried jhedded lil Scavo u insista li l-kumment tiegħu kien immirat lejn Alarm Phone, NGO barranija li topera dgħajjes li jsalvaw l-immigranti.
Huwa żied jgħid li l-kumment tiegħu kien wieħed politiku dwar l-immigrazzjoni illegali u x-xogħol li kienet qed tagħmel l-NGO u mhux appell għall-vjolenza. Dan kif allegat minn Scavo u bosta ġurnali bl-Ingliż f’Malta.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-maġistrat iddeċidiet li l-allegazzjoni ta’ Scavo li ħassu mhedded minn tweet ta’ Gafa ma kinitx oġġettiva u għalhekk ħelset lil Gaga minn kull akkuża.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Fabian Fleri u Lydon Zammit. Għal Gafa deher l-Avukat Edward Gatt.
L-irwol ta’ Gafa fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru twaqqaf f’Jannar li għadda mindu Robert Abela nħatar Prim Ministru.