Minn Għada: Ir-Renju Unit F’Lockdown Sa Nofs Frar – Xi Tfisser?
Minn għada r-Renju Unit se jirritorna f’lockdown totali li x’aktar se jdum sal-ewwel nofs ta’ Frar. Dan tħabbar tard it-Tnejn filgħaxija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson.
Hu qal li dan se jsir bil-għan li tonqos ir-rata ta’ infezzjonijiet li fl-aħħar jiem laħqet numri kbar, bi 80,000 persuna jinstabu pożittivi f’ġurnata waħda u b’aktar minn 27,000 persuna jinsabu rikoverati fl-Isptarijiet. Fir-Renju Unit sa issa mietu aktar minn 75,000 persuna.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit ħabbar:
- Li se jingħalqu l-iskejjel Primarji u Sekondarji
- Fejn hu possibbli, trid taħdem mid-dar
- Toħroġ mid-dar biss biex tixtri oġġetti essenzjali, mediċi u għall-eżerċizzju
- Mhux permess li jitħalltu persuni minn residenzi differenti
Johnson qal li jittama li dawn ir-restrizzjonijiet jibdew jitneħħew wara l-vaganzi li jmiss tal-istudenti f’nofs Frar u qal li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu ġimgħat diffiċli ħafna.
Hu spjega li issa li beda jitqassam il-vaċċin, tagħmillu kuraġġ f’dan iż-żmien diffiċli.