L-Awtorità Tad-Djar Tgħid li Qed Issegwi Mill-Qrib Il-Kwistjoni tal-Kirjiet Ta’ Qabel l-1995

 L-Awtorità Tad-Djar Tgħid li Qed Issegwi Mill-Qrib Il-Kwistjoni tal-Kirjiet Ta’ Qabel l-1995

L-Awtorità tad-Djar qed issegwi mill-qrib il-każijiet u qed tfassal miżuri skont il-ħtiġijiet dwar il-kirijiet ta’ qabel l-1995.

Ħabbar dan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali b’reazzjoni għal stqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni dwar kirjiet residenzjali li fiha allegat li l-Gvern qed ikun indifferenti għall-inkwiet ta’ inkwilini li se jispiċċaw żgumbrati minn djarhom.

F’Diċembru li għadda, il-Bord tal-Kera ta l-ewwel sentenza ta’ żgumbrament. Dan fuq talba ta’ sid ta’ post li iktar kmieni s-sena li għaddiet rebaħ kawża kostituzzjonali li kien għamel kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kera.

Fl-aħħar xhur, fi tliet sentenzi separati, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-liġi li tipproteġi l-kirjiet ta’ qabel l-1995, hija waħda li tikser il-Kostituzzjoni u dan meta tat raġun lis-sidien tad-djar li saħqu li qed jinkisrilhom id-dritt tagħhom li jgawdu l-proprjetà li huma sidien tagħha u dan kif stabbilit kemm fil-Kostituzzjoni u anke fil-Konvenzjoni Ewropea.

Il-kirjiet kollha ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995 huma protetti b’liġi li tmur lura sal-1979. Konsegwenza tagħha, is-sidien bl-ebda mod ma jistgħu jgħollu jew inkella jbiddlu l-kirja biex tkun tirrifletti l-prezz tas-suq.

L-aħħar emendi saru fl-2009 meta fost oħrajn il-kirjiet li kienu saru qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, ir-rata tal-kera dovuta minn wara l-1 ta’ Jannar tal-2010 telgħet għal massimu ta’ €185 fis-sena.

L-emendi tal-2009 ma kinux maħsuba biss biex jinħoloq bilanċ bejn l-interess tas-sid u dak tal-inkwilini iżda anke biex is-sid ikollu xaqq ta’ tama li xi darba jieħu pussess tal-proprjetà tiegħu.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali saħaq li dan huwa l-uniku gvern li bil-fatti qed jgħin lil dawk l-individwi li qegħdin f’kera residenzjali u li ġew affettwati mis-sentenza tal-Qorti.

Fil-fatt ingħad li l-Gvern qed jassisti lil dawn il-familji billi fost l-oħrajn qed jagħti benefiċċju sabiex jikkumpensa lil dawk li għoliethilhom il-kera.

Ingħad li l-Awtorità tad-Djar qed issegwi mill-qrib dawn il-każijiet u qed tfassal aktar miżuri skont il-ħtiġijiet, liema miżuri se jkunu qed jitħabbru fil-mument opportun.

Il-Ministeru temm jgħid li dan il-gvern qed jaħdem biex jirranġa din is-sitwazzjoni għall-benefiċċju tal-familji milquta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com