€3 Miljuni “Mill-Inforzar” Għal Proġetti Fil-Komunitajiet
Fl-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi bit-tema Gvern għan-Nies fil-Fgura, tħabbar li l-Ministeru għall-Intern se jalloka €3 miljuni mill-fondi tal-infurzar fi proġetti għall-komunità.
Dawn il-fondi għall-lokalitajiet se jgħaddu lill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex u dawn jistgħu jiksbuhom billi jipproponu proġetti li minnhom igawdu r-residenti.
Id-dettalji tal-ftehim tħabbru mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Camillieri qal li b’din l-inizjattiva qed nassiguraw li l-LESA tinvesti lura dak li ddaħħal fin-nies. Fl-istess waqt ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jippreżentaw proġetti sostenibbli li jtejbu l-ħajja tal-komunitajiet tagħhom.
Il-ftehim bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) jaħseb għal investiment ta’ miljun ewro kull sena.
Il-proġetti li qed ikunu mħeġġa huma dawk li permezz tagħhom il-Kunsilli Lokali jtejbu l-ambjent tal-lokalità, joffru trasport nadif jew alternattiv, infrastruttura moderna, investiment fis-sorveljanza u s-sigurtà u proġetti li jħarsu l-patrimonju.