Malta Ttenni L-Appoġġ Tagħha Għal Koordinazzjoni Fl-UE Kollha Dwar Il-Pandemija Covid-19

 Malta Ttenni L-Appoġġ Tagħha Għal Koordinazzjoni Fl-UE Kollha Dwar Il-Pandemija Covid-19

Waqt konferenza virtwali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi kompla jtenni l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għal koordinazzjoni kontinwa li tinsab għaddejja fl-Unjoni Ewropea kollha dwar il-pandemija Covid19.

Il-Presidenza Portugiża tal-Kunsill Ewropew li bdiet fl-1 ta’ Jannar li għadda sejħet il-laqgħa bi tħejjija għall-konferenza informali virtwali tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li se ssir din il-ġimgħa u li fiha mistenni jipparteċipa l-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-intervent tiegħu waqt il-laqgħa, Dr Zrinzo Azzopardi laqa’ x-xogħol li qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea f’isem l-istati membri biex tkompli tikseb kuntratti dwar il-provvista tal-vaċċin. Huwa saħaq dwar l-importanza li l-Kummissjoni taħdem biex tiżgura li l-kumpaniji kollha li qed jipproduċu l-vaċċin iżommu mal-obbligi kuntrattwali tagħhom u taħdem biex tiżdied il-produzzjoni tal-vaċċini bil-għan li jitħaffef it-tqassim tagħhom fl-istati kollha tal-Unjoni.

Dwar iċ-ċertifikati tat-tilqim, Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li din il-prova tat-tilqim għandha tkun għodda biex tiffaċilita l-ivvjaġġar fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u mhux biex ixxekkel il-moviment ħieles tal-persuni. Jekk ma jkunx hemm koordinazzjoni f’dan il-qasam, qal Dr Zrinzo Azzopardi, jista’ jiġri li b’metodi differenti li jistgħu jadottaw l-istati membri, jinħolqu aktar restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar.

Malta qed tħares ukoll lejn l-implimentazzjoni ta’ dak li qablu dwaru l-mexxejja Ewropej dwar ir-rikonoxximent minn kull stat membru tat-testijiet għall-Covid-19 li jsiru fl-istati membri kollha. Dr Zrinzo Azzopardi qal li l-Unjoni Ewropea għandha tkun konsistenti fil-messaġġ li tagħti liċ-ċittadini kollha, dak li l-isforzi li qed jagħmlu flimkien qed jagħtu r-riżultati iżda fl-istess waqt kulħadd irid jibqa’ viġilanti billi nirrispettaw il-miżuri li jitolbu l-awtoritajiet tas-saħħa.

Suġġetti oħra trattati fil-laqgħa kienu diskussjoni dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Portugiża f’dawn is-sitt xhur li ġejjin kif ukoll il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com