Dak Kollu Li Għandek Tkun Taf Dwar Il-Covid-19 Fi Ktieb Wieħed Li Tista’ Tniżżel Mingħajr Ħlas
F’Marzu tas-sena l-oħra, Rebecca Caruana, studenta tal-mediċina, kitbet l-ewwel artiklu tagħha rigward il-Covid-19, liem artiklu kien ġie ppubblikat f’gazzetta lokali. Wara li Caruana xerrdet dan l-artiklu fuq il-midja soċjali hija ġiet avviċinata minn Dr Syed M Rizvi sabiex jibdew jaħdmu fuq proġett flimkien. It-tim wara dan il-proġett kien jikkonsisti minn Dr Syed M Rizvi li huwa tabib fi New York, Dr Pippasha Khan li hija dentista bbażata f’Londra, Daniel Hrbolic li huwa terapista tat-taħdit fl-Awstralja, u l-istudenta Maltija Rebecca Caruana.
Il-proġett kien jinvolvi l-kitba ta’ ktieb sħiħ dwar il-Covid-19, li jgħaqqad informazzjoni minn sorsi affidabbli minn tobba li jaħdmu mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u ċ-Ċentru tal-Mard u l-Prevenzjoni (CDC).
Fil-5 ta’ Ġunju li għadda, Rebecca Caruana ppreżentat dan il-proġett lill-Ministru Owen Bonnici, li dak inhar kien Ministru tal-Edukazzjoni, u lil Dr Francis Fabri, is-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru.
“Il-ktieb kien pjanat li joħroġ fl-2020 iżda minħabba is-sitwazzjoni dinamika tal-pandemija u l-iskoperti ġodda rigward il-Covid-19 kellna kellna nibdlu kontinwament l-informazzjoni fil-ktieb”, qalet Rebecca Caruana ma’ Strada Rjali.
Wieħed jista’ jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb mingħajr ebda ħlas. Kull ma trid tagħmel huwa li ddaħħal l-indirizz tal-imejl tiegħek u l-ktieb jitniżżel awtomatikament. Niżżel il-kopja tiegħek permezz ta’ din il-link: https://covid19ebook.org/