Se Jappellaw Biex Ikompli S-Smiegħ Dwar l-Aħrax U L-Miżieb

 Se Jappellaw Biex Ikompli S-Smiegħ Dwar l-Aħrax U L-Miżieb

Numru ta’ Għaqdiet Ambjentali u l-individwi li qegħdin jikkontestaw il-ftehim dwar l-Aħrax u l-Miżieb li ġie iffirmat bejn l-Awtorita’ tal-Artijiet u l-FKNK, ħabbru li se jappellaw sentenza tat-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva fejn dan iddeċieda li ma setax jisma’ dan il-każ.

It-Tribunal qal li l-partijiet li qegħdin jikkontestaw il-ftehim ma jikkwalifikawx bħala ‘persuni aggravati’ taħt il-liġi, għaliex dawn ma ġewx ‘notifikati bid-deċiżjoni’ tal-Awtorita’ tal-Artijiet dwar il-ftehim. Għaldaqstant it-Tribunal iddeċieda li dan ma kienx il-forum it-tajjeb fejn għandu jinstema dan il-kas.

L-Għaqdiet Ambjentali qalu li huma inkwetati li dan ifisser li l-ebda’ persuna terza ma tista’ tikkontesta ftehim bejn tal-Awtorita’ tal-Artijiet u xi ħadd ieħor quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva.

Għalhekk qalu li sejrin ikunu qegħdin jappellaw minn din id-deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Appell u l-fora l-oħra disponibbli għalihom.

L-Għaqdiet Ambjentali temmew jgħidu li fil-passat, għaqdiet ambjentali sabu suċċess meta kkontestaw deċiżjonijiet ta’ dan it-tip u għalhekk jinsabu pożittivi li dawn is-siti għad jerġgħu jiġu ritornati għat-tgawdija tal-pubbliku kollu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com