Żagħżugħ Fil-periklu Tal-Mewt Wara Li Waqa’ Minn Fuq Is-Swar Tal-Imdina
Żagħżugħ ta’ 21 sena mir-Rabat, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ diversi sulari minn fuq is-swar tal-Imdina.
Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq l-Għarreqin, ir-Rabat, għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija bil-Pulizija marret fuq il-post u sabet liż-żagħżugħ mal-art f’għalqa.
Fuq il-post assistew il-membri tal-Protezzjoni Ċivili waqt li immedjatament intalbet l-assistenza ta’ tim mediku b’ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri, li ordna li ssir inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.