Raġel Ta’ 29 Sena Aggredit F’Għonqu B’Sikkina Fil-Mosta
Sirjan ta’ 29 sena li jgħix Ħaż-Żebbuġ, indarab gravi wara li allegatament kien aggredit fil-Mosta bl-aggressur jaħrab minn fuq il-post.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.00 p.m. meta l-Pulizija ġiet infurmata mid-Dipartiment tal-Emerġenza li daħlet persuna feruta f’għonqha, b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta.
Huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi. Il-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta tkellmu mal-vittma fejn irriżulta li seħħ argument bejnu u bejn Sirjan ieħor f’garaxx fi Triq il-Kappar, Mosta.
Il-pulizija marru fil-post fejn seħħ l-argument, madankollu ma nstab ħadd. Minnufih bdiet tfittxija għall-allegat agressur.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta għadhom għaddejjin.