Is-South End Core b’karba lill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika

 Is-South End Core b’karba lill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika

Is-South End Core fi stqarrija ddikjarat li l-għeluq tal-istadiums għall-partitarji, minflok tillimita l-ġabra tal-partitarji f’post wieħed qed tiswa’ agħar għax twassal għal sitwazzjoni ta’ ċelebrazzjonijiet spontanji bla kontroll.

“Kif il-grawnds mhumiex aċċessibli għall-partitarji meta fl-istess waqt huma permessi ġemgħat ta’ nies fit-teatri jew attivitajiet politiċi fost l-oħrajn”, tennew l-esponenti tas-South End Core.

Jidher li din il-karba tas-South End Core għal darb’oħra ser tiġi njorata fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni tal-pandemija għadha fluwida, għadna ‘l bogħod minn xi tip ta’ normalita u mkien fl-Ewropa jew fil-Kampjonati l-aktar segwiti għadhom ma’ bdew jidħlu partitarji.

Għaldaqstant il-possibiltajiet li dan l-istaġun jibqa totalment mingħajr partitarji qed ikomplu jikbru, anke fid-dawl tal-effett domino li jekk il-partitarji tal-futbol jitħallew jidħlu fl-istadiums jinħoloq preċedent f’setturi oħra tal-massa li allura u bid-dritt ikunu jippretendu li jiskattaw bl-attivitajiet tagħhom huma ukoll.

Is-South End Core qed tipproponi li għall-partita internazzjonali bejn Malta u r-Russia tal-24 ta’ Marzu jiddaħlu 400 partitarju f’side li jiflaħ 2,000 ruħ għal total ta’ 1,600 partitarju fi grawnd li jesa’ 16,000.

South End Core fissret din il-logħba bħala opportunità ta’ pilot testing, fejn tittieħed deċiżjoni wara ġimgħatejn biex ikun analizzat jekk il-ftuħ tal-grawnd b’mod ristrett iwassalx għal aktar każi ta’ COVID-19.

Jekk il-każi jibqgħu stabbli, din is-sistemà tiġi implimentata għall-aħħar fażi tal-kampjonat fejn hu mistenni li jfeġġu aktar ċelebrazzjonijiet spontanji mhux kontrollati.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com