Imut L-Ex Ministru Joe Micallef Stafrace
Tħabbret il-mewt tal-ex ministru Laburista Joe Micallef Stafrace.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista ddeskriva t-telfa tiegħu bħala politiku u ġurnalist ta’ ħila kbira u telfa ta’ patrijott li kien jgħożż il-libertà tal-espressjoni u l-ħelsien ta’ pajjiżna.
Fi żminijiet diffiċli fejn wieħed seta’ jbati minħabba t-twemmin tiegħu, Micallef Stafrace ma beżax u stinka għall-ideal tiegħu u tal-ħaddiem. Affaċċja personalment il-ħabs talli ppubblika karikatura, u esperjenza ż-żwieġ fis-sagristija waqt l-Interdett. Iżda, minkejja l-isfidi kollha, baqa sod fil-prinċipji soċjal demokratiċi li dejjem ħabb u ħadem għalihom.
Tul is-snin, bħala Membru Parlamentari għal tliet leġiżlaturi konsekuttivi u Ministru għall-Industrija, l-Agrikoltura u t-Turiżmu, baqa’ jikkontribwixxi politikament biex jara lil pajjiżna jikber bħala nazzjon ta’ suċċess ekonomiku u soċjali.
Bħala editur, avukat u għalliem fl-Università ta’ Malta, dejjem esprima ruħu b’saħħa iżda b’rispett.
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, ikkummenta dwar din it-telfa u qal: “L-ikbar tislima li nistgħu nagħtu lil Micallef Stafrace hija li fil-politika nħaddnu l-ideal tal-onestà.”
Il-Partit Laburista jsellem il-memorja ta’ Joe Micallef Stafrace li bla dubju se jibqa’ mfakkar bħala ġgant fil-politika Maltija u fil-ġurnaliżmu.