F’Sentejn Il-Persuni B’Diżabilità Li Jaħdmu F’Għawdex Żdiedu B’19%

 F’Sentejn Il-Persuni B’Diżabilità Li Jaħdmu F’Għawdex Żdiedu B’19%

L-istatistika turi li fuq medda ta’ erba’ snin, il-persuni Għawdxin b’diżabilità li jirreġistraw naqsu b’65%. Minn 60 persuna fl-2016 in-numru niżel għal 21 fl-2019. Apparti minn hekk, fi tmiem is-sena li għaddiet f’Għawdex kien hemm 201 persuna b’diżabilità jaħdmu, pparagunat mal-169 li kien hemm fi tmiem is-sena 2018. Dan ifisser li f’sentejn il-persuni diżabilità li qed jaħdmu f’Għawdex żdiedu bi 19%.

Qalet dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli waqt webinar li ġie organizzat mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità f’Għawdex. Preżenti għal dan il-webinar kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. L-għan ta’ dan il-webinar kien sabiex jiġu diskussi l-isfidi li persuni Għawdxin b’diżabilità qed jiltaqgħu magħhom fuq il-post tax-xogħol.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli fissret kif il-gvern baqa’ jpoġġi fuq nett tal-aġenda l-investiment f’Għawdex. “Bħala gvern se nkomplu ngħinu u ninkoraġġixxu b’diversi modi aktar investiment u ħolqien ta’ mpjiegi f’Għawdex. Dan b’mod awtomatiku jkun ifisser il-possibilità ta’ aktar impjiegi għal persuni Għawdxin b’diżabilità”, sostniet il-Ministru Farrugia Portelli. Qalet ukoll li huwa rikonoxxut il-fatt li l-akbar ostakolu għal persuna b’diżabilità biex tidħol f’impjieg huwa l-preġudizzju li sfortunatament jeżisti, dak li l-ewwel ma nħarsu huwa lejn id-diżabilità tal-persuna flok lejn l-abbiltà tagħha. Żiedet tgħid li aħna fid-dover li bħala soċjetà, kull wieħed u kull waħda minna, nqawwu lill-membri tas-soċjetà tagħna.

Il-Ministru Farrugia Portelli temmet tgħid li, “Bħala gvern, kemm bħala Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, kif ukoll b’ħidma konġunta ma’ għaqdiet non-governattivi fil-qasam tal-persuni b’diżabilità se nkomplu nippersistu f’ħidmietna biex inwasslu lill-persuni b’diżabilità għal li jħarsu minn lenti pożittiva – li huma wkoll għandhom l-abbiltajiet tagħhom.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li ftit tal-jiem ilu dan il-gvern bagħat messaġġ ċar u b’saħħtu ħafna li m’għandniex nitkellmu f’termini ta’ diżabilità imma f’termini ta’ abbiltà. Dan wara li Oliver Scicluna, li kien il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, ġie co-opted fil-Parlament. Il-Ministru Camilleri stqarr li dan huwa biss il-bidu, tant li l-Prim Ministru enfasizza li persuni b’diżabilità f’pajjiżna se jkunu mexxejja.

Il-Ministru Clint Camilleri semma wkoll kif l-estensjoni tal-allowance tad-diżabilità għal min jaħdem turi li dan il-gvern jirrikonoxxi l-isforzi li jkunu qed jagħmlu dawn il-persuni u jrid ikompli jħeġġiġhom u jgħinhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Huwa fakkar kif qatt daqs illum ma kellna persuni b’diżabilità li għandhom impjieg jew li huma mħajra bis-serjetà li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li l-Ministeru għal Għawdex hu mpenjat favur l-inklużjoni u favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u li, “Aħna kommessi li nipprovdu kull sostenn possibbli kemm lill-persuni nfushom kif ukoll lill-familji tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom”.

Ritratti: MISW/MGOZ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com