“It-Tkeċċija Minn CEO Tal-PBS Kienet Inġusta U Bi Ksur Tal-Liġi”
Ix-xandar veteran u eks Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy illum rebaħ kawża li kien fetaħ fil-Qorti kontra l-PBS li fiha kien argumenta li fl-2017 kien tkeċċa inġustament mill-kariga u fl-istess waqt saritlu ħsara kbira.
John Bundy kien tneħħa minn Kap Eżekuttiv tal-PBS f’Novembru tal-2017 wara vot ta’ sfiduċja mill-Bord tad-Diretturi tal-PBS.
Il-Bord kien qal li d-deċiżjoni kienet riżultat ta’ allegat nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ procurement wara ftehim ma’ kumpanija lokali għall-bejgħ tal-karozzi qodma tal-PBS u l-kiri ta’ oħrajn ġodda mingħajr ma ħareġ tender bl-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS.
Bundy dejjem insista li mhux talli nnegozja l-aqwa ftehim possibbli għall-PBS bl-akbar trasparenza iżda tul il-proċess kollu mill-bidu sal-aħħar kellu miegħu lill-kontrollur finanzjarju u l-procurement manager tal-PBS – li qatt ma qalulu li kellu joħroġ tender.
Il-ftehim sar ma’ Burmarrad Commercials għall-kiri ta’ 14-il karozza għal tmien snin.