Jitpoġġa F’Postu Pont Ġdid Bejn Il-Marsa U Ħal Qormi

 Jitpoġġa F’Postu Pont Ġdid Bejn Il-Marsa U Ħal Qormi

It-Tlieta billejl, Infrastructure Malta poġġiet f’postu l-ewwel minn żewġ pontijiet li magħqudin flimkien se joħolqu passaġġ sigur ta’ 53 metru biex taqsam bil-mixi jew bir-rota minn fuq Triq it-Tiġrija, fil-Marsa.

Il-kuntratturi tal-aġenzija użaw żewġ krejnijiet biex refgħu l-istruttura tal-azzar imdendla minn arkata (tied-arch bridge), twila 30 metru u tiżen 40 tunnellata u serrħuha fuq żewġ torrijiet li bnew fil-ġnub ta’ din it-triq b’erba’ korsiji li tgħaqqad Triq Diċembru Tlettax mal-Marsa-Ħamrun Bypass.

Dan l-investiment ta’ €1.4 miljun se joħloq rotta aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn diversi nħawi residenzjali fil-Marsa u l-qalba ta’ Ħal Qormi (minn Sqaq il-Ġerrejja). Se jelimina l-periklu eżistenti tul rotta pedonali mfittxija ħafna mill-qalba tal-Marsa (l-inħawi ta’ Triq il-Jum u Triq il-Marsa) lejn diversi żoni fil-Marsa u Ħal Qormi fuq in-naħa l-oħra ta’ Triq it-Tiġrija, li jinkludu l-Marsa Park and Ride u l-venda tal-karozzi tal-linja (Triq l-Iljun, Ħal Qormi), il-Marsa Sports Grounds u bosta nħawi oħra industrijali, kummerċjali u residenzjali Ii hemm fil-viċin.

Biex jilħqu dawn id-destinazzjonijiet bil-mixi, bħalissa ħafna jkollhom jaqsmu l-ħames korsiji ta’ Triq it-Tiġrija u n-niżliet li hemm biswitha, minn qalb il-karozzi għaddejjin, peress li m’għandha l-ebda mezz sigur għall-qsim pedonali. Biex jaqsmu bil-mixi, dawk li jgħaddu minn hawn ikollhom jaqbżu l-barrikati tal-azzar u jaqsmu korsiji li minnhom jgħaddu karozzi b’veloċità hekk kif jitilgħu mill-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq Diċembru Tlettax biex imorru lejn Ħal Qormi u l-Marsa-Ħamrun Bypass.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com