Joqtol Lill-Ibnu Ta’ Sentejn Għax Ma Riedx Jarah Ibati… Jagħmel Suwiċidju Eżatt Wara
Fi Treviso ġewwa l-Italja qed jiġi allegat li missier qatel lill-ibnu ta’ sentejn u imbagħad neħħa ħajtu stess eżatt wara permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina. L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-missier għamel dan b’reazzjoni għall-problemi ta’ saħħa serji li kellu ibnu u li ma kellhomx ebda tama ta’ fejqan. Dan il-każ seħħ kmieni wara nofsinhar waqt li omm it-tifel kienet ix-xogħol. Il-katavri tal-missier u t-tarbija nstabu ħdejn xulxin fil-kamra tal-banju tad-dar.
F’ittra li ħalla qabel ma qatel lilu nnifsu, ir-raġel qal li huwa għażel li jagħmel dan sabiex ibnu ma jsofrix. Egidio Battaglia stenna li jkun waħdu d-dar ma’ ibnu u wara li kiteb ittra twila ta’ tislima sabiex jiskuża ruħu u jispjega r-raġunijiet tiegħu, huwa wettaq dan id-delitt u għamel suwiċidju.
Kien missier l-aggressur li ntebaħ li xi ħaġa ma kinitx f’postha. Huwa kien qed jistenna lill-ibnu u lin-neputi għall-ikel u meta ra li ma marrux, mar iħabbat fl-appartament fejn kienu jgħixu sabiex jara’ x’kien ġara. Huwa daqq il-qanpiena diversi drabi iżda ma fetaħ ħadd, għalhekk ħa sellum u tela’ jittawwal mit-tieqa tal-ewwel sular. F’dak il-mument huwa ra ż-żewġ iġsma.
Omm it-tifel kienet ix-xogħol meta seħħ dan il-każ, u malli saret taf b’dak li kien ġara ttieħed b’urġenza l-isptar minħabba xokk qawwi.