“L-Assigurazzjoni Tal-kwalita’ U L-Ħarsien Tas-Saħħa Waqt It-Tilqim Huma Ta’ Prijorita’” – PN
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fakkar li s-suċċess tal-programm nazzjonali ta’ vaċċinazzjoni kontra l-pandemija tal-COVID-19 jiddependi minn fatturi importanti fosthom il-loġistika li tintuża waqt il-protocol. L-effiċjenza u l-assigurazzjoni tal-kwalita’ u l-ħarsien tas-saħħa waqt it-tilqim huma ta’ prijorita’.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li n-nuqqasijiet serji fis-sistema tar-roll out tal-vaċċin iridu jiġu indirizzati, u dan għaliex ma
jistawx jaqgħu lura l-anzjani jew persuni vulnerabbli li qegħdin jiġu maqbuża minħabba problemi ta’ data. Minbarra hekk, il-postijiet allokati għall-għoti tat-tilqima iridu jirrispettaw ir-regoli tas-saħħa pubblika sabiex jiġi evitat iffullar żejjed f’dawn il-postijiet, flimkien ma’ komunikazzjoni aktar effettiva bejn il-Gvern u l-istakeholders sabiex l-ippjanar isir f’waqtu.
L-istqarrija tkompli li kif diġa saħaq il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista, l-użu tat-tobba tal-familja u l-ispiżeriji fil-komunita’ huma għodod importanti sabiex jitħaffef il-programm nazzjonali ta’ vaċċinazzjoni. It-tilqim f’Għawdex għandu jingħata permezz ta’ sistema aħjar bil-possibilita’ li ħaddiema u residenti jinqdew f’posthom. Dan għaliex li persuni, bħal pulizija Għawdxin, li qegħdin jintbagħatu Malta sabiex jieħdu l-vaċċin hi għal kollox assurda u riflessjonijiet tan-nuqqasijiet serji f’dan l-istess programm.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Gvern għal trasparenza assoluta f’dan il-programm nazzjonali ta’ vaċċinazzjoni, anki permezz ta’ iktar effiċjenza fil-contact tracing li bħalissa huwa kkollassat, għaliex b’hekk biss jistgħu jintlaħqu l-miri u l-għanjiet sabiex nikkontrollaw din il-pandemija. Għalhekk minn jamministra għandu r-responsabbilita’ li jħares il-proċess u jassigura l-integrita’ sħiha tiegħu.