Post Mal-Aqwa 50 Fid-Dinja F’Moħħ il-Kowċ Nazzjonali tan-Nisa

 Post Mal-Aqwa 50 Fid-Dinja F’Moħħ il-Kowċ Nazzjonali tan-Nisa

Mentalita pożittiva hija kollox f’kull ma’ wieħed jagħmel fil-ħajja, miri ambizzjużi li anke jekk ma’ tasalx għalihom tkun pruvajt, idealment timmirax għal tnejn biex finalment iġġib wieħed, iżda anke jekk impossibli, mmira għal għaxra, ħalli ġġib sitta u xorta jkun suċċess.

Din il-mentalita u atitudni pożittiva esprimija magħna l-Kowċ Nazzjonali Malti tan-Nisa Mark Gatt, bniedem dinamiku u b’viżjoni li flimkien ma’ nies oħra ħabrieka fis-settur tal-Futbol tan-Nisa u fuq kollox flimkien mal-players li wara kollox huma l-protagonisti fuq il-pitch, qed jaslu.

Fadal ħafna vera, imma l-progress sinjifikanti u l-fatt li l-Futbol tan-Nisa issa qed jiġi rikonoxxut aktar u daħal sew fil-vokabularju ta’ kull sportiv u min isegwi l-isport, dak ifisser ħafna fir-rispett li dawn it-tfajliet u min imexxihom jimmerithom.

Essenzjalment sigriet important għal dan it-Tim Malti tan-Nisa huma l-għaqda u l-atitudni li jaħdmu għal xulxin, kollha b’għan wieħed, u forsi l-bogħod mill-mentalita u l-kultura ġenerali ta’ dan il-pajjiż.

Staqsejna lill-kowċ Mark dwar l-esperjenza riċenti fil-Visit Malta Tournament organizzat f’pajjiżna b’logħbiet iebsin kontra s-Slovakkja u fuq kollox l-Iżvezja, dawn tal-aħħar il-ħames l-aqwa forza fid-dinja.

Huwa qalilna hekk, “Dejjem nemmen li biex it-tim jitjieb trid tilgħab kontra min hu aħjar minnek, ma’ kinitx faċli bil-players neqsin li kellna imma dawn iż-żewġ logħbiet swew t’esperjenza kbira.

“Dawn il-players tagħna ma’ ninsewx li jilgħabu l-futbol b’passjoni, ħafna minnhom dawn jaħdmu, jkollhom it-training tard u jerġgħu iqumu għax-xogħol l-għada filgħodu, iżda l-passjoni u d-determinazzjoni li jirnexxu qed tagħti l-frott, dan waqt li players oħra li lgħabna kontrihom bħal dawk tal-Iżvezja wara t-tournament ħallew Malta biex ikomplu bl-esperjenza professjonali tagħhom f’pajjiżi bħal Spanja u l-Ġermanja ma’ klabbs importanti bħal Real Madrid u oħrajn.

Il-kowċ Gatt kompla jgħid, “Fl-ewwel logħba mas-Slovakkja kelli ċ-ċans nesperimenta, tajt l-opportunita lil xi players juru x’jafu u ntihom l-esperjenza, kieku kienet logħba ta’ Kwalifikazzjoni ma’ kontx nesperimenta daqshekk.

“Il-mira tagħna li nitjiebu qed tirnexxi, das-sentejn li ġejjin se naħdmu biex nitilgħu mal-aqwa ħamsin fir-rankings mondjali, sa ftit ilu konna fil-105 post, wara l-aħħar kompetizzjoni u r-riżultati li ksibna tlajna fil-85 post.

“Naf li l-ambizzjoni hija diffiċli ħafna iżda mhux impossibli”, kompla jgħid Mark Gatt.

Staqsejna lil Mark dwar il-50 logħba tiegħu bħala kowċ tan-Nisa nhar it-Tlieta kontra l-Iżvezja.

“Jien dawn il-figuri ftit nagħti kashom, għalija kull logħba li jmiss hija l-aktar importanti, nuħu gost meta nara t-tim javvanza u jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu u dan mhux mertu tiegħi biss iżda mertu ta’ kull min huwa nvolut.

“Għandha l-għatx u d-determinazzjoni li nkomplu nimpruvjaw, nagħtu aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ u players ġodda kif diġa għamilna b’Maria Farrugia li tilgħab ma’ Sunderland, Haley Bugeja ta’ Sassuolo u Nicole Sciberras li preżentament tilgħab mal-Primavera ta’ Juventus u li bħal oħrajn qabilhom, kollha ddebuttaw man-Nazzjonal ta’ sittax-il sena jew minn eta’ żgħira ħafna”.

Ilbieraħ f’logħba mill-aħħar grupp kompetittiv li ħadet sehem fih Malta, Iżrael tilfet 12-0 kontra l-Italja, riżultat li kkonferma r-raba’ post fil-klassifika għal Malta u ħallejna żewġ timijiet (Ġorġja u Iżrael), taħtna fil-punti.

“Dawn ir-rizultati fil-futbol tan-Nisa jiġru, f’dan il-perkors aħna tlifna f’darna 8-0 kontra d-Danimarka, iżda dawn ir-riżultati huma l-akbar ‘learning curve’ għal dawn il-players, riżultati li jgħinuk tibni aktar il-karattru u tinjetta dik ir-rabja fik innifsek u bħala tim biex riżultati bħal dawn ma’ jkunux repetuti.

“Għalija kull logħba li jmiss hija finali, naf li nistgħu niġu ġġudikati fuq ir-riżultati u l-punti li niksbu f’kompetizzjoni oħra għax naturallment l-aspettattivi tal-pubbliku hemm barra kibru, imma jien jinteressani biss mill-progress ta’ dan il-grupp ta’ players, konvint li għandha l-potenzjal u l-filosofija tal-logħob li qed naddottaw qiegħda tkun aktar ċara fil-players tagħna”.

Mark Gatt għalaq billi rringrazzja lil kull min qed jaħdem miegħu f’dan il-perkors, “Nies bħal Pierrre Brincat, staff tekniku, l-familja u d-‘decision makers’ fl-MFA sibthom dejjem warajja, issa li l-Futbol tan-Nisa kiseb ir-rikonoxximent li jixraqlu sta għalina li nkomplu naħdmu biex inkomplu nitilgħu is-sellum u nagħmlu ħilitna fl-iżvillup tal-futbol femminili f’pajjiżna”, temm jgħid il-Kowċ Nazzjonali tan-Nisa, Mark Gatt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com