L-Arċisqof Jamministra S-Sagrament Tal-Griżma Fil-Ħabs U Jżur Ukoll Il-Forn

 L-Arċisqof Jamministra S-Sagrament Tal-Griżma Fil-Ħabs U Jżur Ukoll Il-Forn

Il-quddiesa fit-Tieni Ħadd tar-Randan immexxija mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna saret ilbieraħ fil-Kappella tat-Trasfigurazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Raħal Ġdid. Ikkonċelebraw il‑Provinċjal tal‑Franġiskani Kapuċċini Patri Effie Mallia, l‑erba’ kappillani tal‑ħabs, u l‑arċipriet tal‑parroċċa ta’ Kristu Re Dun Marc André Camilleri. Attendew ukoll għall-quddiesa l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, residenti u ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Waqt il‑quddiesa l‑Arċisqof amministra s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lil wieħed mir‑residenti tal‑faċiltà.

Waqt l-omelija, l-Arċisqof qal li l-messaġġ tiegħu llum huwa messaġġ ta’ tama, hekk kif l-Evanġelju rrakkonta l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej fuq il-Muntanja Tabor. Mons. Arċisqof qal lir-residenti li minkejja ċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom, ħadd ma jista’ jieħu jew iħassar id-dinjità tal-bniedem: “Meta nkunu ħaġa waħda ma’ Ġesù, jiġri x’jiġri, inkunu kemm inkunu magħfusin, qatt ma nistgħu nitilfu li aħna wlied Alla. L-ebda bniedem u l-ebda setgħa ma tħassar id-dinjità tagħna.” Fakkarhom biex qatt ma jinsew li l-Mulej iħobbhom għaliex hu la jikkundanna u lanqas jakkuża, anzi jidħol għall-bniedem. “Huwa li l-Mulej, wara din il-ħajja, se jħaddnek fit-tgħanniqa tal-ħniena tiegħu, u jwasslek fl-imħabba tiegħu għal dejjem.”

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof żar il-forn tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li hu mħaddem mir-residenti stess.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com