Jonqos Il-Qgħad F’Pajjiżna Għat-Tmien Xahar Konsekuttiv…

 Jonqos Il-Qgħad F’Pajjiżna Għat-Tmien Xahar Konsekuttiv…

“Nemmen li l-ħaddiem irid jaħdem biex jgħix u mhux jgħix biex jaħdem”

“Għat-tmien xahar konsekuttiv naqas il-qgħad f’pajjiżna u issa jinsab kważi fl-istess livell ta’ qabel faqqgħet il-pandemija” – tenna l-Prim Ministru Robert Abela

Waqt laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri fil-binja tal-General Workers’ Union (GWU), il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li l-Kabinett qiegħed jiltaqa’ għand il-GWU, li tirrappreżenta l-interessi ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema.

“Fl-aħħar xhur urejna li meta ffaċċjati bl-ikbar sfidi, bħala gvern, żammejna fiċ-ċentru tagħna l-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Għalhekk fi kriżi globali ma morniex għal miżuri ta’ awsterità imma morna b’għadd ta’ inizjattivi maħsuba biex isostnu l-kwalità tal-impjiegi, fejn ma jkunx il-ħaddiem li jerfa’ l-ikbar piż tas-sitwazzjoni”, qal Dr Abela. Irrefera għall-għajnuna finanzjarja li ta l-gvern permezz tal-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika filwaqt li rrefera għall-fatt li l-istat nefaq €366 miljun f’wage supplement u leave tal-kwarantina. “Fl-istess ħin bqajna ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna filwaqt li nagħtuhom pagi aħjar u kundizzjonijiet aħjar. Infatti, is-sena li għaddiet kellna 16-il ftehim kollettiv fis-settur pubbliku, uħud għall-ewwel darba”, sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan huwa twemmin minqux fil-qalb tal-politika ta’ dan il-gvern. “Wara kollox, hekk urejna b’waħda mill-ewwel emendi leġiżlattivi ta’ din is-sena meta ssiġillajna l-bidla dwar il-festi pubbliċi li jiġu fi tmiem il-ġimgħa u l-leave abbinat magħhom. Issa l-ħaddiem għandu s-serħan il-moħħ li jiġu meta jiġu dawn il-festi, se jgawdi minnhom”, qal il-Prim Ministru.

Semma kif f’Jannar li għadda, in-numru ta’ persuni qiegħda reġa’ naqas ikkumparat max-xahar ta’ qabel. “Dan hu suċċess li qed niksbu b’mod konsistenti. Il-qgħad ilu jonqos mix-xahar ta’ Ġunju wara li kienet laqtitna l-imxija u issa jinsab kważi fl-istess livell ta’ qabel faqqgħet il-pandemija. Dan ifisser li għat-tmien xahar konsekuttiv naqas il-qgħad”, saħaq il-Prim Ministru. “Bix-xogħol innaqqsu d-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali u nagħtu d-dinjità lill-persuni. U biex nagħmlu dan irid ikollna dawk l-inzijattivi li permezz tagħhom nippremjaw il-bżulija. Il-bieżel irid ikun premjat u jrid iħoss li l-istat hu ġust miegħu. Iżda, il-ħaddiem għandu wkoll saħħtu x’jieħu ħsieb u l-kwalità tal-ħajja tiegħu u tal-familja. Għalhekk irridu nkomplu nitkellmu wkoll dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u dwar il-mod kif nistgħu naħdmu bl-iżjed mod effiċjenti. Nemmen li l-ħaddiem irid jaħdem biex jgħix u mhux jgħix biex jaħdem”, kompla jgħid il-Prim Ministru.

Dr Abela nnota wkoll ir-reazzjoni pożittiva li kien hemm fost il-pubbliku ġenerali wara li tfasslet ir-riforma dwar il-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 nhar is-Sibt li għadda.

“Jidher ċar li hemm apprezzament għal mod kif ridna naslu għal ġustizzja u serħan il-moħħ. Naturalment, issa wieħed ikompli jiddiskuti tul il-proċess parlamentari. Iżda, l-prinċipji li ħdimna bihom huma l-prinċipji li se jagħtu futur aħjar lis-sidien bi dħul ġust, u serħan il-moħħ lill-familji. Din hi riforma b’timbru storiku u dan hu l-ispirtu li rrid nibqa’ mmexxi bih. Mingħajr suppervja u b’umiltà, fejn filwaqt li għandna l-pjani tagħna dawn huma miftuħa għall-ideat ta’ kulħadd”, stqarr Dr Abela.

Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu b’referenza għat-tibdil fil-liġi dwar l-użu personali tal-kannabis fejn temm jgħid li l-Kabinett illum se jiddiskuti t-tnedija ta’ white paper li se twassal għal emendi fil-liġi dwar id-dikriminalizzazzjoni sħiħa tal-pussess tal-kannabis għall-użu personali sa ċertu ammont.

“Nemmen li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem meta naħdmu flimkien”, ikkonkluda Dr Abela.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-filosofija tal-unjin hija msejsa fuq il-ġustizzja soċjali, u fil-preżentazzjoni tiegħu bit-tema “Xogħol Diċenti għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar”, is-Sur Bugeja preżenta l-viżjoni tal-unjin ibbażata fuq l-edukazzjoni, xogħol diċenti fid-dinja kontemporanja, is-soċjetà, l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, u l-ekonomija.

Prime Minister Robert Abela presides over a Cabinet meeting on employment, human capital improvement and better work-life balance

Ritratti: DOI/OPM

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com