“Fl-Aħħar 10 Snin F’Pajjiżna Kien Hawn 3,164 Divorzju” – Il-Ministru Owen Bonnici
Fis-16 ta’ Marzu li ġej, jaħbat l-10 snin minn mindu l-Opożizzjoni Laburista dak iż-żmien, ressqet quddiem il-Parlament, mozzjoni dwar kif għandna tkun il-mistoqsija tar-referendum li kien sar fit-28 ta’ Mejju 2011. Id-domanda kienet: “Taqbel mal-introduzzjoni tal-għażla tad-divorzju f’każ ta’ koppja miżżewġa li tkun ilha separata jew ilha ma tgħix flimkien għal mill-inqas 4 snin u meta ma jkun hemm l-ebda tama raġonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-koppja miżżewġin filwaqt li jkun garantit manteniment adegwat u jkunu mħarsa t-tfal?”
Din il-mozzjoni kienet għaddiet għaliex ivvutaw il-membri tal-Opożizzjoni kollha ta’ dak iż-żmien, u żewġ membri parlamentari man-naħa tal-gvern li kienu: Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett.
Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzjahom ilbieraħ fil-parlament fejn tenna li minn hemm, imbagħad kien skatta proċess li permezz tiegħu morna għal referendum.
Maġġoranza ta’ 53.2% kienu vvutaw iva, jiġifieri distakk ta’ 14,000 vot bejn l-iva u l-le. Tenna kif dak iż-żmien, il-Kap tal-Opożizzjoni tal-lum, Bernard Grech kien jimmilita fi grupp biex jgħid lin-nies jivvutaw le.
Il-liġi daħlet imbagħad fis-seħħ, fit-13 ta’ Lulju tal-2011. Il-Ministru Owen Bonnici tenna li fl-aħħar 10 snin f’pajjiżna kien hawn 3,164 divorzju li jfisser, li 6,328 persuna gawdew minn dritt li ħaddieħor ried iċaħdilhom.
Segwi l-filmat hawn: