Mario Cutajar Jiċħad Li Għamel Frame-Up Fuq Uffiċjal Pubbliku
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, ċaħad bl-iktar mod kategoriku u bla ebda riservi dak li allega dwaru l-bieraħ fil-Parlament, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi.
Fi stqarrija, Mario Cutajar qal li mhux ir-rwol ta’ Kap tas-Servizz Pubbliku li jidħol f’kontroversji imma ma jistax ma jingħadx li din hija t-tielet darba li Azzopardi ipprova jħammġu.
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi akkuża lill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar b’abbuż ta’ poter wara li għamel frame-up fuq uffiċjal pubbliku fid-Dipartiment tat-Taxxa wara li dan irrifjuta li jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu għal xejn b’xejn ftit xhur wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Fil-Parlament, Azzopardi qal li Cutajar kompla jagħmel pressjoni fuq dan l-uffiċjal fejn saħansitra heddu li jekk ma jirriżenjax kienu se jittieħdu passi kriminali kontrih fuq frodi.
Fl-istqarrija, maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Ewlieni, Mario Cutajar qal li l-ewwel każi li tressqu għandu bħala Kap tas-Servizz Pubbliku fl-2013, kienu jirrigwardaw uffiċjali pubbliċi u kienu tnejn.
Wieħed kien dwar tbagħbis ta’ marki f’eżamijiet pubbliċi bl-allegazzjoni tindika li dan ġieli sar fuq direzzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-eżaminaturi dirett u l-każ l-ieħor dwar abbuż, b’indħil ta’ persuni fl-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013, tad-diskrezzjoni li tagħti l-liġi dwar it-taxxa lit-tmexxija ta’ dak id-dipartiment biex tiġi maħfura taxxa.
Mario Cutajar qal li “fiż-żewg każi u f’kull każ ieħor li sirt naf bih wara dawn sa llum fl-ebda ċirkustanza ma kelli kuntatt jew indħalt b’mod dirett jew indirett anki bl-iktar mod remot possibbli fix-xogħol tal-Pulizija kemm jekk kien il-Kummissarju u kemm jekk kien l-uffiċjal investigatur”.
Cutajar qal wkoll li l-ewwel darba Jason Azzopardi allega li sar abbuż mill-pozizzjoni tiegħu għax żagħżugħ kien nominat f’bord governattiv ta’ entità pubblika għax jiġi minnu. Spjega li kellu biss l-istess kunjom tiegħu għax mill-bqija la jiġi minnu u lanqas kien jaf lill-persuna.
Mario Cutajar kompla jgħid li t-tieni allegazzjoni dwaru minn Azzopardi hi li sar abbuż mill-pożizzjoni tiegħu għax impjega membru tal-familja tiegħu bħala person of trust malli sar Kap tas-Servizz Pubbliku u minkejja li kien hemm deċiżjoni mill-Qorti. Kompla jgħid li l-fatti ppubblikati wrew li l-allegazzjoni ta’ Azzopardi kienet ferm ’il bogħod mill-verità għax il-persuna kienet ilha impjegata mal-gvern u ġiet konfermata lura fl-impjieg mill-Amministrazzjoni preċedenti.