Proġett Ieħor Fil-Ġustizzja Li Qed Jagħti L-Għodda Meħtieġa Biex Iċ-Ċittadin Jinqeda Mill-Kumdità Ta’ Daru Stess

 Proġett Ieħor Fil-Ġustizzja Li Qed Jagħti L-Għodda Meħtieġa Biex Iċ-Ċittadin Jinqeda Mill-Kumdità Ta’ Daru Stess

Il-Ministru Edward Zammit Lewis, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, żaru l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. Waqt iż-żjara tagħhom taw rendikont tal-frott li qed tħalli notarialacts.gov.mt li hi ffinanzjata b’Fondi Ewropej. Preżenti kien hemm ukoll in-Nutar tal-Gvern, Dr Keith German.

L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern u l-Arkivji Nutarili jiffurmaw Dipartiment tal-Gvern mmexxi minn Nutar Prinċipali tal-Gvern skont kif tipprovdi l-liġi.

L-Arkivju ewlieni, li jinsab fi Triq Mikiel Anton Vassalli, fil-Belt Valletta, jilqa’ fih l-atti oriġinali tan-Nutara Pubbliċi Maltin, filwaqt li l-Arkivju li jinsab fi Triq San Kristofru, il-Belt, iħaddan irreġistri (kopji) ta’ atti li tagħhom in-Nutar Prinċipali huwa l-Konservatur.

B’mod ġenerali, l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern joffri varjetà ta’ servizzi legali u nutarili lill-entitajiet tal-Gvern u l-pubbliku inġenerali.

Il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt dan l-Uffiċċju huma regolati mill-Att dwar ilProfessjoni Nutarili u Arkivji Nutarili (Kap 55 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega l-importanza ta’ dan l-uffiċċju u tal-proġett msemmi li beda jiġi implimentat f’Ġunju tas-sena l-oħra u qed iħalli l-frott tiegħu. Il-proġett jinvolvi l-iskannjar u lelenkar ta’ kuntratti u testmenti online. Bosta Klijenti u Nutara issa għandom il-faċilità li jordnaw kuntratt online fil-fatt l-uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern qed jirċievi madwar 140 ordni għal kuntratti u testmenti kuljum, liema ordnijiet imbagħad jiġu kkatalogati u mqiegħda online.

Huwa spjega kif meta din is-sistema ġiet imnedija f’Ġunju 2020, kien hemm total ta’ ’l fuq minn tlieta u għoxrin elf ordni. L-ordnijiet kollha tlestew b’suċċess u tqiegħdu online. Mill-introduzzjoni tas-sistema dan l-uffiċċju esperjenza tnaqqis sostanzjali ta’ nies li attwalment iżuru l arkivji fiżikament sabiex jinqdew.

Huwa kompla billi semma żewgt irwoli oħra li għandu dan l-uffiċċju. Hemm għadd ta’ ħaddiema li xogħohlom huwa li jiskannjaw volumi sħaħ ta’ kuntratti.  Minn Ġunju 2020 sal-lum dan l-uffiċċju proċessa l-volumi kollha tal-2016 u l-2017 tan-Nutara kollha f’Malta. Issa jinsabu fil-proċess li jiġu kkatalogati u mqiegħda online.

L-irwol l-ieħor huwa li żżomm aġġornat il-lista ta’ nutara online li bħalissa qiegħdha fl-ewwel stadji tagħha www.notariesregister.gov.mt. din ser tkun qed tippermetti l-għoti / ir-revoka ta’ mandati nutarili b’mod elettroniku b’ użu minn teknoloġiji blockchain.

Il-Ministru Zammit Lewis għalaq id-diskors tiegħu billi saħaq li dan il-proġett huwa parti minn politika aktar wiesgħa ta’ diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja tagħna. Huwa għamel referenza għall-Abbozz Numru 114 li jinsab fl-aħħar stadji tiegħu sabiex jisir liġi. Liema abbozz fost oħrajn jipprovdi qafas legali sod sabiex jintużaw metodi ġodda u moderni ta’ diġitalizzazzjoni f’dan idDipartiment. Huwa fakkar ukoll li dan kollu kien possibli permezz tal-fondi Ewropej u li permezz ta’ dan il-Gvern qed ikompli jagħti l-għodda meħtieġa biex iċ-ċittadin jinqeda mill-kumdita ta’ daru stess. B’hekk dan kollu qed iwassal sabiex il-ġustizzja ssir aktar aċċessibbli u effiċjenti għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li din is-sistema qed tiġi ffinanzjata b’madwar €100,000 b’fondi Ewropej, bl-għan li tippreserva aħjar dawn l-arkivji u ttejjeb l-aċċess permezz tal-website.

Hu spjega kif din il-website tifforma parti mill-proġett Connected eGovernment (CONvErGE), li għandu l-għan li ibiddel numru ta’ servizzi biex jagħmilhom diġitali u b’hekk nersqu lejn aktar diġitalizzazzjoni tas-servizz pubbliku.

Dr Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal li apparti din il-website, l-Arkivji Notarili qed jibbenefikaw minn proġett ieħor ta’ madwar €4.2 miljun ffinanzjat b’fondi Ewropej, fejn qed jiġu konservati, preservati u diġitalizzati l-arkivji notarili għal benefiċċju ta’ dawk ir-riċerkaturi u l-pubbliku ġenerali. Dan filwaqt li għaddej restawr fil-binja tal-Arkivji Nutarili fil-Belt Valletta fejn se jkun qed jitgawda kemm min-nies tal-lokal kif ukoll mit-turisti li qed iżuru pajjiżna.

Din il-website notarialacts.gov.mt se tkun aċċessibbli minn laptops, tablets u anki smartphones, u se tkun disponsibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Waqt din l-attività tkellem ukoll il-Kap tas-Servizz Pubbliku s-Sur Mario Cutajar. Huwa rabat linvestiment fl-uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern fi strateġija aktar wiesgħa fejn is-servizz jasal għand innies 24 siegħa kuljum is-sena kollha u bla taħbil il-moħħ. Dan hekk kif minn Ġunju li għadda, flewwel fażi ta’ dan il-proġett, l-uffiċċji notarili tal-Gvern irċevew 23,000 talba elettronika. Dan iffiser illi n-numru ta’ nies li fiżikament kellhom imorru l-Belt fl-uffiċini notarili tal-Gvern naqas bi 80%.

Dan kollu qed iħalli effetti pożittivi fuq il-klijenti tas-Servizz Pubbliku, fejn b’investimenti kbar fitteknoloġija, qed intejbu kontinwament is-servizz u l-pubbliku qed innaqsulu l-iskariġġ li jkollu joqgħod jiġri minn skrivanija u uffiċċju għal ieħor.

Is-Sur Cutajar qal li s-servizz u t-teknoloġija, flimkien man-nies, se jkunu qed jiffurmaw it-tliet pilastri ewlenin li fuqhom se jkompli t-tisħiħ tas-Servizz Pubbliku.

Dr Keith German fid-diskors tiegħu spjega kif l-Arkivju Nutarili fl-uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern għaddej bil-process ta’ diġitalizzazzjoni ta’ kuntratti oriġinali u li jistgħu jiġu aċċessati online. Fi żmien disa’ xhur ġew skanjati mal-25,000 kuntratt b’aktar min 1.5 mlijun paġna. L-uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern ser ikompli sabiex jiġu skanjati aktar kuntratti bil-għan li jiġu kkonservati aktar kuntratti u fl-istess waqt jagħti servizz aħjar liċ-ċittadin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com