L-Għaqda Repubblika Tgħid Li L-Awtoritajiet Qed Jagħmlu Minn Kollox Biex Ma Tibqax Teżisti
F’konferenza tal-Aħbarijiet quddiem Kastilja li għamlet illum l-għaqda Repubblika qalet li se tibqa’ tiġġieled għall-verità minkejja li allegat li l-awtoritajiet qed jagħmlu minn kollox biex l-organizzazzjoni ma tibqax teżisti.
Il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina, irrefera għall-ittra legali li rċeviet Repubblika mill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li fiha ntqal li l-għaqda nstabet ħatja li qed tikkritika lill-Gvern.
Dr Robert Aquilina qal li wara din l-ittra hemm l-id tal-Prim Ministru Robert Abela, li qal qed jirrispondi b’tattiċi “faxxisti” minħabba l-pressjoni li qed issir fuq il-Gvern. Aquilina qal li l-Prim Ministru daħal għal missjoni biex isikket lil Repubblika.
Il-President ta’ Repubblika qal li għal dan it-theddid tal-Gvern, l-għaqda se twieġeb b’iktar impenn u determinazzjoni fil-ġlieda biex Malta tinħeles minn dik li sejjaħ qarnita kriminali li ħatfet lill-pajjiż. Dr Aquilina qal li jagħmel x’jagħmel il-Prim Ministru, Repubblika se tibqa’ tiġġieled għall-ġustizzja.