Bħal-Lum Il-Partit Laburista Kien Rebaħ Elezzjoni Ġenerali Storika … Sar Ħafna Tajjeb Iżda Baqa’ Xi Jsir
Lura fl-2013, kien bħal-lum 9 ta’ Marzu tal-2013, dakinhar is-sibt, meta saret l-elezzjoni ġenerali f’pajjiżna. Elezzjoni li kien hawn ‘build up’ kbir għaliha minħabba l-bżonn ta’ bidla fil-pajjiż wara 25 sena ta’ tmexxija mill-Partit Nazzjonalista.
Din kienet se tkun it-12 -il leġislatura mill-Indipendenza lil hawn b’waħda mill-itwal kampanji elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna. Kienet damet 9 ġimgħat.
Il-Partit Laburista kiseb 167,533 vot u l-Partit Nazzjonalista kiseb 132,426 vot. Il-persentaġġ kien: PL – 55% u l-PN – 43%. Dan kien ifisser 35,107 vot differenza.
Kien ifisser ukoll li l-Partit Laburista kien se jkollu 37 siġġu filwaqt li l-Partit Nazzjonalista, 28 siġġu.
Madankollu, meta l-voti bdew jiġu trasferiti, irriżulta li bħala siġġijiet il-Partit Laburista kiseb 39 siġġu u l-Partit Nazzjonalista 26 siġġu u għaldaqstant id-differenza telgħet għal 13-il siġġu.
Wieħed irid jgħaraf il-ħafna tajjeb li sar tul il-leġislatura Laburista anke jekk kien hemm mumenti ta’ ntoppi mas-snin, fosthom il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li sal-lum, irridu nsostnu li għad m’hemm l-ebda politiku nvolut anke jekk hemm min jipprova jgħid dan. Imma sa issa dan ma jirriżultax.
F’Novembru li tal-2019, Joseph Muscat kien ħabbar li se jirreżenja minn Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista fejn imbagħad f’Jannar skattat il-ħidma biex jinħatar mexxej ġdid, u eventwalment Prim Ministru ġdid, wara tellieqa bejn Chris Fearne u Robert Abela… bir-riżultat; Robert Abela inħatar is-sussegwent ta’ Muscat fit-13 ta’ Jannar tal-2020.
Irridu lkoll ngħarfu, li Abela kellu dak li nsejħulu ‘baptism of fire’ bil-kbir meta fis-7 ta’ Marzu 2020, faqqgħet il-pandemija li sal-lum għadna għaddejjin biha. Ngħarfu wkoll li matul din is-sena, il-Gvern għamel dak li hu possibbli biex ma jintilfux l-impjiegi, inħarġu l-wage supplements li anke ammontaw għal €30 miljun fix-xahar, ingħataw ‘vouchers’ biex jgħinu l-familji u n-negozji u t-tqassim tal-vaċċin, li anke wasal qabel iż-żmien previst, u li poġġa lil Malta fl-ewwel post bil-mod kif qed ikun amministrat. Malli nħatar Prim Ministru Robert Abela wettaq riformi kbar fi żmien sena fosthom kien hemm il-bidla tal-kummissarju, il-ħatra tal-Prim Imhallef li kien maqbul miż-żewġ naħat tal kamra, u anke ssaħħet ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali. Dawn ir-riformi kollha saru fi żmien meta pajjiżna kien milqut minn pandemija.
Fuq in-naħa l-oħra, kellna xenarju differenti fil-Partit Nazzjonalista fejn Simon Busuttil kien mar għall-elezzjoni ġenerali vis a vis Joseph Muscat b’waħda mill-agħar telfiet tal-Partit Nazzjonalista. Il-Kap tal-Partit Simon Busuttil ħabbar li kien se jirreżenja minn Kap. Minn hemm, skattat ukoll tellieqa għat-tmexxija fejn inħatar Adrian Delia fl-20 ta’ Settembru tal-2017 bil-wegħda ta’ ‘new way’ li malli beda jgħaddi ż-żmien, kien qed jiġi kkritikat kontinwament anke minn deputati tiegħu stess.
Niftakru li ma kienx aċċettat minn numru kbir ta’ membri parlamentari Nazzjonalisti li spiċċaw biex sfiduċjawh nhar is-7 ta’ Lulju 2020. Ġimgħa wara, kien sfiduċjat ukoll mill-Eżekuttiv tal-Partit u Delia ried li kollox imur f’idejn it-tesserati.
Ġara li Nhar it-3 ta’ Ottubru 2020, wara telfa kbira fl-elezzjoni għall-Kap, Delia rriżenja u minfloku nħatar bħala t-tmien Kap tal-Partit, Bernard Grech b’maġġoranza ta’ 69% mill-voti mixħuta mit-tesserati. Bernard Grech jidher li għandu ‘grip’ aħjar mis-suċċessur tiegħu fil-mod kif iwassal messaġġ.
Kieku ssir elezzjoni ġenerali llum, liema tagħżel: PN jew PL?
(Din hija l-opinjoni tal-editur ibbażata fuq fatti kif ukoll opinjoni)