B’400 Każ U Aktar Kif Qed Jingħad Illum.. Għadna Nemmnu Li L-Gvern Għaġġel Li Reġa Waqqaf L-Isport F’Kuntatt Fost Iż-Żgħar?!
It-tħabbir ta’ miżuri ġodda l-Ħamis li għadda minħabba mewġa ġdida u ferm agressiva bil-varjant mir-Renju Unit qed iħalli ħerba fost il-poplu Malti, wassal biex fost dawk li ntlaqtu kienu tfal u żgħażagħ taħt is-sbatax-il sena li issa ġew ipprojbiti jipprattikaw kull tip ta’ sport f’kuntatt.
Din il-miżura ġabet magħha diversi kummenti u nuqqas ta’ qbil minn bosta ġenituri u sportivi.
Studji anke ppublikati mill-Organiżazzjoni Dinjija tas-Saħħa jindikaw li l-obeżita li hija għolja ferm fost it-tfal u ż-żgħażagħ f’Malta iżżid ir-riskji ta’ mard sever ikkawżat mill-COVID-19. Pazjenti li jkunu f’din it-tip ta’ sitwazzjoni, u jkunu pożittivi għall-virus, qed ikollhom kumplikazzjonijiet aktar serji minn oħrajn.
F’dawn iċ-ċirkostanzi għandek xafra taqta minn żewġ naħat, iżda żgur u mhux forsi qed ngħixu f’ċirkostanzi straordinarji u li fihom xejn, assolutament xejn mhu mportanti ħlief li nissakkru d-dar u nikkontrollaw din il-mewġa kerha li biss biss l-Erbgħa 10 ta’ Marzu rat rekord ġdid tal-fuq minn 400 każ fost dawk pożittivi fl-aħħar 24 siegħa.
Xi ħadd hawnhekk qed jiddubita mill-importanza tal-isport fost it-tfal u ż-żgżażagħ ?!.. Xi ħadd qed iċapċap jara l-figuri għolja ta’ obeżita fost tfal Malti komparat ma’ pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropeja ?!… Żgur li le, imma din id-diskussjoni li qamet wara l-miżuri mħabbra l-Ħamis li għadda qisu kulħadd xi professur, żgur li kienet żejda fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom preżentament.
Statistika hawn taħt turi li t-tixrid tal-virus jew ir-rata ta’ nfezzjoni kkawżata mill-isport hija baxxa ħafna anke pparagunata ma’ tixrid fil-postijiet tax-xogħol, attivitajiet soċjali bħal rave party jew tombla u/jew attivita bħal festin jew kuntatt id-dar fost l-istess familji.
Statistika nkoraġġanti ferm imma fil-mument ma’ tfisser xejn bin-numri ta’ każi dejjem telgħin hekk kif sfortunatament pajjiżna bħalissa qed jgħix it-tielet mewġa ta’ dan il-virus, anke sforz l-irresponsabilta tal-poplu u messaġġi li kultant ifixklu l-imħuħ u t-tkaxkir tas-saqajn mill-awtoritajiet tal-pajjiż qabel ma’ finalment ħabbar dawn il-miżuri l-ġodda tard il-ġimgħa li għaddiet.
Dan hu l-mument li l-isport tal-anqas f’etajiet iż-żgħar jerġa jistenna fil-ġenb u l-objettiv ta’ kulħadd għandu jerġa jkun li nimmitigaw l-imxija agressiva ta’ bħalissa fost il-poplu Malti u nnaqsu l-każijiet milli jkomplu jisplodew.
Kull ġenitur ta’ tfal li jipprattikaw xi dixxiplina sportiva bħalissa għandu jieqaf, jaħseb u jsaqsi lilu nnifsu, fiċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa bil-fuq minn 400 każ kuljum huwa sigur li tfal u żgħażagħ jipprattikaw l-isport favorit tagħhom??
Jien bħala ġenitur x’għandi nagħmel fiċ-ċirkostanzi preżenti ta’ mewġa oħra fil-pajjiż biex innaqqas mit-tixrid tal-virus li jkun ġej minn attivita sportiva, biex inħares lill-kumplament tal-membri tal-familja tiegħi??
X’jistgħu jagħmlu l-membri tal-familja tiegħi stess biex flimkien nimmittigaw ir-riskji tal-COVID-19 assoċjati ma’ parteċipazzjoni sportiva?!
Jekk ibni jew binti juru sintomi ftit jiem wara li jkunu pparteċipaw f’attivita sportiva nibqgħu nemmnu li d-deċiżjoni l-Ħamis tal-gvern kienet ħażina u mgħaġġla?!… Dawn kollha huma mistoqsijiet li wieħed għandu jsaqsi waqt li għalissa jibqa msakkar ġo daru jipproteġi lilu nifsu u lil dawk ta’ madwaru.