Bernard Grech Jiddefendi Lil Jason Azzopardi Għax Għandhom L-Istess Dnub – Il-PL
Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li l-atitudni tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ tixhed atitudni arroganti ta’ min jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi.
Intqal li minflok qalilna x’se jagħmel dwar Jason Azzopardi, Bernard Grech għażel li jirrepeti l-iskużi banali ta’ Jason Azzopardi.
“Naturalment, Jason Azzopardi huwa mimli arja għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jieħu passi kontrieh. Mimli arja wkoll għax tal-klikka tiegħu ħarġu jiddefenduh. Dan wara li fl-aħħar snin għamel propju bħalu u hu wkoll ma ħallasx it-taxxa. Għalhekk, Bernard Grech ma għandu ebda awtorita’ morali jitkellem fuq korrettezza u etika fil-politika.”
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard tenniet kif quddiem dan kollu, “Jason Azzopardi jemmen li hu ‘l fuq mil-liġi. Il-fatti juru li jemmen li hemm liġi għan-nies komuni, hemm liġi għal min ma jaqbilx magħhom, imma mbagħad hemm liġi oħra għalihom. Meta xi ħaġa tagħmilha għal snin huwa abbuż sistematiku. L-aġir ta’ Jason Azzopardi huwa wieħed kundanabbli u Bernard Grech kieku ried ikun kredibbli kellu jgħid x’se jagħmel dwaru.”
Is-Segretarju Parlamentari, Alex Muscat saħaq kif “kull jum li jgħaddi tinkixef il-maskra ta’ min tant irid jipponta swaba lejn ħaddieħor, imbagħad jippretendi li ħadd ma jistaqsi dwaru.
L-istqarrija temmet tgħid li b’kuntrast, kien gvern immexxi minn Robert Abela li ħa passi bla preċedent biex itejjeb l-istrutturi tal-governanza f’pajjiżna u dak li għamel fl-aħħar sena juri li għandu l-kredibbiltà li nwettqu iktar.