Tribut lis-Sur Tony!!.. U Ftit Minn Fost Ħafna Messaġġi Wara l-Mewt tal-President tal-Futbol Malti
Bjorn Vassallo issa, George Abela, Joe Mifsud, Norman Darmanin Demajo u ħafna oħrajn qabilhom huma jew kienu Presidenti tal-Malta Football Association, iżda bla dubju ta’ xejn wieħed fuq l-oħrajn kien il-President tal-Futbol Malti, illum 15 ta’ Marzu, 2021, ħalliena.. Strieħ fis-sliem Tony Bezzina!!.
Kien aktar minn President tal-klabb tiegħu, bħalu fil-passat insellmu l-memorja fost l-oħrajn ta’ Herbert Messina Ferrante (Sliema Wanderers), Charlie Camilleri (Valletta) u fuq kollox Victor Tedesco (Ħamrun Spartans), imma Tony kien speċjali, kien uniku għal ħafna modi.
TLIETA U ERBGĦIN SENA PRESIDENT TA’ HIBERNIANS – Dik lejalta, dik imħabba għall-klabb tant għal qalbek, kemm ferraħ Pawlisti, kemm rebaħ…. u dejjem wiegħda biex taraħ jiftaħar fuq it-televiżjoni, kważi qas stedina ma’ kien jaċċetta fuq ix-xandir, għax li kien jagħmel kien jagħmlu mhux għal glorja personali, iżda għax verament Hibernians għalih kien iżjed minn klabb tal-Futbol, wara l-familja, l-klabb Pawlist għas-Sur Tony kien kollox.
Bniedem ta’ dixxiplina, qalb tajba u umilta, mhux l-ewwel darba li fil-laqgħat dak iż-żmien jikwu fl-MFA kien isabbat saqajh u jgħolli leħnu, imma mhux għax supperv, iżda għax verament kien jemmen fil-korrettezza, l-prinċipji u valuri sodi li dejjem ibbaża fuqhom il-ħidma tiegħu.
Tul is-snin smajna bi problemi finanzjarji u problemi oħra għal dak il-klabb u/jew l-ieħor, Hibernians xejn jew kważi qatt.
Dan għaliex huma speċjali aktar minn klabbs oħra, assolutament le, iżda għaliex fit-tmun għal 43 sena sħaħ kellhom kaptan, li dejjem ħadem bil-għaqal, dejjem qata’ d-drapp bil-kejl li kellu, dejjem kien ġust u onest mal-players tiegħu, qatt ma’ ħalla l-ħadd jiskappriċċaħ, il-budgets, il-viżjoni, l-pjan tal-istaġun ikun prefiss u ħadd ma’ jbiddel dik ir-rotta li jkun stabbilixxa ma’ Jesmond il-Ħaċċ (wara Ranier kien qisu t-tieni tifel tiegħu), u oħrajn madwaru qabel l-istaġun.
Kienu ħafna d-drabi li din ir-riċetta, din il-filosofija ċara tas-Sur Tony ħalliet suċċess u wasslet għall-unuri fl-aħħar tal-istaġun.
Rebaħ fuq li rebaħ, dejjem żamm il-klabb ma’ ta’ fuq, mhux biss mill-lat amministrattiv iżda anke mil-lat sportiv, dejjem dilliġenti f’xogħlu, jisfida għall-aqwa unuri, sakemm waslet l-akbar sfida f’ħajtu, il-misħuta kanċer.
Għalkemm fl-aħħar xhur ħalla f’idejn ibnu Ranier li baqa’ jmexxi b’kapaċita fuq il-passi ta’ missieru, sal-aħħar nifs ta’ ħajtu Tony baqa’ jsegwi dak kollu li kien għaddej u baqa’ jservi bħala t-tieni missier għall-ħafna players li ħadmu taħtu, lagħbu, rebħu u ferħu miegħu u għaliħ, bil-flokk iswed u abjad ta’ Hibernians.
Wieħed minn dawn, il-captain preżenti Bjorn Kristensen, “Illum tlifna ġentlom kbir, il-veru sinjifikat ta’ persuna lejali, kont aktar minn President, kellek rwol ta’ missier, fik kienu jispikkaw ħafna valuri fosthom tar-Rispett u l-Umilta”.
Andrei Agius ukoll player validu bħal Bjorn, ukoll bi snin twal t’esperjenza ma’ dan il-klabb, “Pres, se tħalli vojt kbir fil-klabb ta’ Hibernians u l-familja kbira f’dan il-klabb, apparti li bħalissa kull Pawlist qed jibki t-telfa tiegħek, m’hemmx kliem kif naqbad nirringrazzjak ta’ dak kollu li għamilt miegħi, sakemm nerġgħu niltaqgħu, ikoni jmutu iżda l-legat li jħallu warajhom ma’ jmut qatt”.
Jurgen Degabriele, “Raġel fuq l-irġiel, int għalija kont aktar minn President, l-onesta, umilta u r-rispett li dejjem urejt lejja u l-kumplament ta’ sħabi ma’ ninsihom qatt, Grazzi ta’ kollox Pres”.
Jake Grech, “Illum tlifna ġentlom kbir, Is-Sur Bezzina ma’ kienx biss President, iżda figura ta’ missier li rsista u ħadem ħafna għal dan il-klabb”.
Player (goaler) li rebaħ ħafna taħt is-Sur Tony ma’ Hibernians huwa l-ex goalkeeper Mario Muscat, “Illum mhux Raħal Ġdid iżda Malta kollha tilfet pilastru tal-korrettezza, Rbaħna ħafna flimkien, iċċelebrajna flimkien, imma bkejna ukoll flimkien fil-mumenti diffiċli. Grazzi Pres tal-mumenti sbieħ li tajt lili, l-players sħabi u l-poplu ta’ Raħal Ġdid”.
Bħal Mario, Jackson Lima, Marcelo Dias u Rodolfo Soares huma ex players li għadhom maħbuba f’Raħal Ġdid, “Grazzi ta’ kollox Sur Tony, Strieħ fil-sliem”.
Semmejna ex players ta’ Hibernians li jew irtiraw jew marru ma’ klabbs rivali, iżda għadhom maħbubin f’Raħal Ġdid, insemmu tnejn oħra ?!, Silvio Vella u Joseph Mbong.
Kowċ Silvio qal hekk, “Strieħ fis-sliem Sur Tony. Grazzi ta’ kollox u kull m’għamilt miegħi, Kondoljanzi lill-familja Bezzina kollha”
Il-winger Joseph Mbong, “Minn fejn se nibda ?, Tony kien “role model” għalina lkoll, is-Sur Bezzina kien strumentali fis-suċċessi fil-karriera tiegħi sa issa, l-għarfien li għadda lili u lil sħabi kienu kruċjali, dejjem sibtu kull meta ġejt bżonnu u ta’ dan nirringrazzjak Sur Tony. Kondoljanzi lill-familja kollha ta’ Hibernians, temm jgħid l-internazzjonali Malti ta’ Ħamrun Spartans.
Ex Presidenti tal-Futbol li kienu rivali, iżda ħadmu qrib ħafna tiegħu fil-passat, l-Avukat Adrian Delia, ex President ta’ Birkirkara FC, “Diffiċli tispjega l-irġulija tas-Sur Tony Bezzina, Apparti li kien President ta’ Hibernians kif ukoll tal-Premier League Standing Committee, Tony żgur li se jibqa mfakkar għall-ġid li għamel kemm fil-futbol u kif ukoll fil-komunita lokali”.
Joe Gauci, President ta’ Żejtun Corinthians, “Il-mewt tas-Sur Tony Bezzina ħasditni. Raġel fuq l-irġiel. Ġentlom u umli. Ħabib sincier, tilfet Malta kollha speċjalment il-futbol. Biex tagħmel dawk is-snin kollha President trid tkun tal-ħadid, għax biex iżżomm tim dejjem fost l-aqwa f’Malta mhux ħaġa faċli”.
Anke klabbs rivali selmu l-memorja tal-mibki Tony Bezzina li t-Tnejn ħalla din id-dinja fl-eta ta’ 72 sena, fost dawn Ħamrun Spartans, Valletta, Floriana, Birkirkara, Sliema Wanderers u Gżira United.
B’qalb maqsuma u bid-dmugħ f’għajnejhom li ma’ jistgħawx jagħtu l-aħħar tislima kif xieraq minħabba l-pandemija għat-telfa ta’ dan il-ġgant tal-irġulija u President maħbub minn kulħadd fil-Futbol Malti, l-klabb tiegħu, il-klabb ta’ qalbu, Hibernians ħarġu stqarrija.