Bjorn Vassallo lil Tony Bezzina – “Il-Vojt Li Se Tħalli Fil-Futbol Malti Se Jibqa Jinħass Għal Dejjem”
Il-President attwali tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo għadu kemm mar fuq Twitter b’messaġġ imqanqal u b’saħħtu biex isellem il-memorja tal-mibki Tony Bezzina, President ta’ Hibernians, li t-Tnejn filgħodu ħalla din id-dinja fl-eta ta’ 72 sena, wara 43 sena fit-tmexxija tal-klabb Pawlist.
Ġrajja fl-aħħar siegħat li tefgħet il-Futbol Malti f’luttu għaliex is-Sur Bezzina ma’ kienx rispettat biss f’Raħal Ġdid u mis-sostenituri ta’ Hibernians, iżda minn kulħadd, kull min b’xi mod iħoss li huwa, jew jifforma parti mill-familja tal-Futbol Malti.
Il-President Vassallo fil-messaġġ tiegħu u b’ritratt tal-bejta preferuta għall-kull partitarju ta’ Hibernians, l-istadium f’Kordin, qal hekk, “Dan kien il-post favorit tiegħek, id-dar tal-ballun għalik. Ħallejt legat kbir fil-logħba Maltija mingħajr ħafna daqq tat-trombi – fil-mod kif taħdem, kif tagħmel l-affarijiet, l-istil uniku tiegħek u li bih kont tasal għas-suċċess.
“Ġentlom minn kull aspett. Sur Tony, f’isem il-familja kollha tal-Futbol Malti ngħidlek Grazzi.
“In-nuqqas u l-vojt li se tħalli se jibqa’ jinħass għal dejjem”, temm jgħid il-President tal-MaltaFA, Bjorn Vassallo.