Bil-Filmat: Destiny Tniedi L-Kanzunetta Uffiċjali Tal-Eurovision 2021
Fil-Eurovision ta’ dis-sena, li se jsir fl-Olanda, Destiny se tkun qed tirrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta ‘Je Me Casse’.
Il-kanzunetta hija waħda uptempo, li tħalli impatt pożittiv fuq min jismaha. Fiha diversi elementi mużikali, fosthom dak electro, pop u r-ritmu ‘four on the floor’.
Ma jonqosx ukoll parti Acapella fuq stil gospel u anke parti ‘soul’.
‘Je Me Casse’ hija dwar l-inkoraġġiment lin-nisa. Il-lirika ddur fuq raġel li jagħmel minn kollox biex ikun ma’ mara billi juża frażijiet mhux oriġinali u jixtrilha x-xorb, filwaqt li l-mara m’għandha l-ebda interess u trid titlaq minn ħdejh akkost ta’ kollox.
Hija konvinta li ħarġet biex tieħu pjaċir, u taf xi trid.
Il-kanzunetta tħeġġeġ lil nisa oħra biex ikunu kunfidenti u jispikkaw għalihom infushom, bl-appoġġ ta’ xulxin.
Ta’ min jinnota li ‘Je Me Casse’ hija frażi ‘slang’ li tfisser li dak li jkun jaħrab minn sitwazzjoni irritanti b’ċertu attitudni.