Il-Pjan Oriġinali Biex Tinqatel DCG Kien Li Jisparawlha

 Il-Pjan Oriġinali Biex Tinqatel DCG Kien Li Jisparawlha

Il-pjan oriġinali biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kien billi jintużaw żewġ armi tan-nar tat-tip AK47 sentejn qabel ma fil-fatt inqatlet.

Dan intqal it-Tlieta filgħodu, hekk kif Vince Muscat il-Koħħu kompla x-xhieda tiegħu.

Huwa qal kif fl-2014 u fl-2015, flimkien ma’ George Degiorgio, kienu qattgħu il-ġranet jgħassu d-dar tal-familja Caruana Galizia fil-Bidnija bħala parti mill-pjan tal-qtil, li madanakollu falla milli jimmaterjalizza wara li ma tħallasx depożitu ta’ €50,000.

Muscat spjega kif il-pjan kien li, permezz ta’ vann, iwaqqfu lil Daphne Caruana Galizia f’benniena fit-triq hekk kif hija tkun saqet mid-dar tagħha, b’Jamie Vella jkun lest biex jisparala bl-AK47.

F’dan il-pjan, il-Koħħu qal li kien hemm l-involviment tal-avukat David Gatt u l-eks Ministru Chris Cardona, u żied li Gatt kien iltaqa miegħu u l-aħwa Degiorgio fil-Marsa u qalilhom li kien sejjer jiltaqa ma’ Cadona “minħabba Daphne”.

Mistoqsi mill-avukat Jason Azzopardi dwar dan, Muscat irrimarka li hu u l-aħwa Degiorgio ma kinux imħasba li Cardona seta jikxfilhom il-pjan, għax kienu jafu sew lil xulxin u kienu ċerti li kien se jgħinhom.

Barra minn hekk, il-Koħħu qal li l-eks Ministru kien involut f’reat kbir ieħor li huma kienu wettqu fil-passat, u li f’dan il-każ hemm implikat fih Ministru preżenti. Madanakollu, huwa ma tax dettalji.

Filwaqt li Muscat qal li ma kienx involut fl-ebda pjan ieħor biex tinqatel Caruana Galizia, William Cuschieri, l-avukat li qed jirrapreżenta lill-aħwa Degiorgio, qal li r-‘recordings’ li kellu l-‘middleman’ Melvin Theuma jimplikaw lil Muscat f’pjan ieħor biex tinqatel Caruana Galizia.

Cuschieri allega li f’dawn ir-‘recordings’ issir referenza għal komplott ieħor li kellhom l-avukat Arthur Azzopardi u ċertu Darren Debono li jħalsu €300,000 biex tinqatel Caruana Galizia.

Il-Koħħu ċaħad dawn l-akkużi, u qal li ma jafx min hu Darren Debono u li qatt ma tkellem m’ Azzopardi fuq dil-kwistjoni.

Waqt ix-xhieda tiegħu, Muscat qal li l-aħwa Degiorgio kienu qed jirċievu €20,000 fix-xahar mingħand Robert u Adrian Agius (Tal-Maksar) għal xi xogħol li kienu qed jagħmlu.

Apparti minn hekk, sar jaf li Jamie Vella ġab il-bomba lejn Malta minn Sqallija bil-katamaran, filwaqt li l-aggressuri kellhom pjanijiet biex joqtlu xi ħadd fi ħdan il-Pulizija fl-istess żmien li nqatlet Daphne Caruana Galizia. Dan il-pjan kellu x’jaqsam ma’ Jamie Vella u Robert Agius.

B’rabta mal-arrest li sar fit-tinda tal-patata fil-Marsa, il-Koħħu qal li kienu jafu meta dan kien se jseħħ minn ġimgħatejn qabel. Dan hekk kif kien hemm żewġ sorsi differenti li kienu qed jagħtu l-istess informazzjoni. Huwa rrimarka li xorta marru fit-tinda għax kieku baqgħu id-dar kien se jinħoloq paniku kbir.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com