Wirja Qalbiena Minn Malta Minkejja Telfa Ta’ 3 – 1 Kontra r-Russja
Fl-ewwel partita ta’ kwalfikazzjoni tat-Tazza Tad-Dinja 2022, Malta tilfet 3 – 1 kontra r-Russja, f’logħba valida minn Grupp H.
Ir-Russja fil-vantaġġ permezz ta’ Artem Dzyuba fit-23 minuta b’Mario Fernandes jagħmilhom tnejn fil-35 minuta biex l-ewwel taqsima spiċċat 2 – 0.
Mal-bidu tat-tieni taqsima l-kowċ Devis Mangia wettaq żewġ sostituzzjonijiet li ħallew il-frott hekk kif daħlu jilgħabu Alex Satariano u Paul Mbong minflok Luke Montabello u Jurgen Degabrielle rispettivament.
It-tim Malti tjieb fit-tieni taqsima u għal xi ħinijiet kienu l-plejers Maltin li bdew jiddettaw il-logħob tant li Joseph Mbong naqqas id-distakk fil-56 minuta logħob.
Kwarta mit-tmiem il-kowċ Taljan introduċa lil Steve Pisani minflok Bjorn Kristensen filwaqt li fl-aħħar mumenti daħal jilgħab Juan Carbolan minflok Ryan Camenzuli u Kyrian Nwoko minflok Andrei Agius.
Minuta mit-tmiem, Aleksandr Sobolev reġa sab ix-xibka Maltija biex għamel ċert mill-ewwel tlett punti tal-grupp għar-Russja.
Minkejja lis-sforzi tal-Maltin, il-partita intemmet 3 – 1 favur l-avversarji.
L-iskwadra Maltija għada tħalli Malta sabiex tibda bil-vjaġġ lejn lis-Slovakkja biex nhar is-Sibt tilgħab it-tieni partita tal-grupp kontra dan in-nazzjon.
Ritratt: MFA / Domenic Aquilina