Bil-Filmat: Bernard Grech Irid Ikun Il-Gladjatur Ta’ Pajjiżna
Il-bieraħ filgħaxija fil-Parlament kien hemm seduta b’pjuttost kommoventi, liema seduta kellha tiddiskuti fost l-oħrajn il-miżuri tal-budget ta’ din is-sena.
Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li qegħdin ngħixu żminijiet bla precedent, fejn l-istorja politika tal-pajjż qatt ma esperjenzat kriżi bħal din. Il-poplu Malti jinsab ixxukkjat; din hi r-realtà ta’ kulħadd. Huwa qal li l-poplu Malti qiegħed iħoss sens ta’ tradiment fejn ħafna nies ġenwini kull ma jixtiequ hu li jgħixu ħajja serena.
Grech sostna li l-Gvern Laburista wiegħed ħolma u taw lura inkubu, wiegħdu futur sabieħ u serqu mhux biss il-miljuni iżda r-ruħ tan-nazzjon Malti.
F’diskors imqanqal huwa qal li potenzjalment fil-parlament hemm potenzjalment kriminal fost id-deputati Laburisti.
Grech għamel referenza ukoll lejn dak li seħħ il-Qrati nhar is-Sibt li għadda, fejn l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru, Keith Schembri, inżamm arrestat fuq ħasil ta’ flus, frodi fost l-oħrajn. Huwa qal li f’Mejju 2016 saret mozzjoni kontra Keith Schembri iżda d-deputati Laburisti ddefendewh kif għamel l-istess Robert Abela.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-President ta’ Malta biex juża l-piż morali tiegħu u jaqla’ lill-pajjiz minn dak li sejjaħ bħala żmien ikrah. Qal li l-politika għandha tkun nadifa billi l-pajjiż idawwar paġna ġdida.
Grech temm id-diskors tiegħu fejn spjega għalfejn hu daħal fil-politika. Huwa spejga li jrid jiġġieled bbħala gladjatur għall-pajjiż. Temm jgħid li flimkien jistgħu nirnexxu u naħdmu u nagħmlu minn pajjiżna ġawhra fil-Mediterran u fid-dinja; bis-sagrifiċċji, bix-xogħol u bl-onestà u mhux bil-klien.