L-Istatwi Mas-Salib Tal-Għolja Fis-Siġġiewi Se Jkunu Rrestawrati
Fl-aħħar seduta tal-Kunsill Lokali Siġġiewi,is-Sindku tal-lokal Dominic Grech ressaq proposta sabiex il-
Kunsill Lokali Is-Siġġiewi jieħu l-inizjattiva sabiex jirrestawra l-vari li jinsabu mat-telgħa li tagħti għas-Salib tal-Għolja.
Intqal li din il-proposta ġiet milqugħa b’mod unanimu mill-Membri tal-Kunsill.
Dawn l-istatwi inħaddmu u tqiegħdu matul din it-trejqa li tagħti għal għolja lura bejn is-snin 1895 u 1896 fuq inizjattiva ta’ Dun Pawl Laferla, saċerdot mis-Siġġiewi stess.
L-istatwa tad-Duluri li tinsab fejn iċ-ċimiterju ta’ Sand Dawdar (Teodoru) saru mill-istess saċerdot u minn Maria Laferla fl-1896. Fuq il-pedistall ta’ kull statwa nsibu mnaqqxa b’digriet tal-10 ta’ April 1896 mill-Isqof Mons. Pietro Pace fejn din tgħid, li tingħata indulġenza ta’ 40 jum lil kull minn jgħdi Kredu jew Salve Reġina quddiem kull statwa.
Xi ġmiel ta’ storja għandna f’pajjiżna. Kemm nieħdu gost naraw kunsilli lokali jieħdu inizjattivi ta’ din ix-xorta b’riżq il-kultura. Wara kollox, hekk għandu jkun; nippreservaw dak li għamlu ta’ qabilna. Naħseb aħna nieħdu gost jekk fil-futur, il-ġenerazzjonijiet futuri, jieħdu ħsieb ix-xogħol li noħolqu u nwettqu llum, mhux hekk?!