“Jien M’Għandi L-Ebda Informazzjoni Dwar Macbridge” – Konrad Mizzi
Wara li llum kien żvelat li l-isem wara l-kumpanija Macbridge hemm in-negozjatur ewlieni tad-deals tal-Enemalta ma’ Shanghai Electric u tal-Montenegro, Cheng Chen, l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi ħareġ jgħid li m’għandu l-ebda informazzjoni dwar il-kumpanija Macbridge.
F’post fuq facebook, l-eks Ministru Laburista qal “kif dejjem sostnejt, il-kumpanija tiegħi qatt ma kella jew għanda relazzjoni mal-kumpanija Macbridge la diretta u lanqas indiretta”. Dan wara li fl-2016 kien żvelat li Konrad Mizzi kellu kumpanija sigrieta fil-Panama.
Konrad Mizzi żied jgħid li jibqa’ jiċħad kull insinwazzjoni li kellu xi forma ta’ business plan ma’ Macbridge, jew xi interess personali f’proġetti pubbliċi li kien involut fihom.
Konrad Mizzi qal ukoll li sal-ġurnata tal-lum, m’għandu l-ebda informazzjoni dwar il-persuni li huma allegatament konnessi ma’ din il-kumpanija. Temm jgħid li Chen Cheng kien jafu fl-irwol uffiċjali tiegħu bħala konsulent li jassisti lill-Shanghai Electric Power fuq numru ta’ inizjattivi.