Fondi Ewropej Għan-Negozji Żgħar U Ta’ Daqs Medju (SMEs)

 Fondi Ewropej Għan-Negozji Żgħar U Ta’ Daqs Medju (SMEs)

Nota: Dan ittieħed qabel ma tħabbru l-miżuri relatati mal-maskri.

Huwa fatt magħruf li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Huma dawn l-intrapriżi li jipprovdu l-prodotti li jixtru l-Maltin u l-Għawdxin, is-servizzi li jkollna bżonn għall-ħajja ta’ kuljum u fl-istess ħin iħaddmu magħhom eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Dawn l-intrapriżi qed ikunu mgħejuna minn Fondi Ewropej permezz ta’ dik magħrufa bħala Business Enhance Grant Scheme li ipprovdiet xejn inqas minn €32 miljun f’għajnuna ta’ appoġġ lill-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju biex jiżviluppaw il-prodotti tagħhom u jespandu l-operat tagħhom.

Bosta intrapriżi ħadu fondi Ewropej biex f’dan iż-żmien tal-Pandemija bir-restrizzjonijiet kollha dwar il-ftuħ ta’ ħwienet, ristoranti u bosta tipi oħra ta’ negozju, żviluppaw sistemi ta’ bejgħ online biex isostnu n-negozju tagħhom. Anke qabel faqqgħet il-pandemja kien hemm negozji li sfruttaw din l-opportunita biex kabbru l-bejgħ tagħhom online anke barra minn xtutna.

Skema oħra importanti hija dik li tagħti fondi għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fejn intrapriżi li lesti jimirħu f’dan il-qasam jingħataw għajnuna diretta biex jakkwistaw apparat, u jħallsu spejjeż marbuta mal-ingaġġ ta’ persuni kkwalifikati u spejjeż oħra.

Barra l-innovazzjoni, l-iskemi Business Enhance offrew ukoll opportunita lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju li jiddiversifikaw l-operat tagħhom billi f’dinja ta’ kompetizzjoni, jinvestu f’makkinarju jew sistemi li jgħinuhom itejbu l-produzzjoni ħalli jbiegħu aktar u lil swieq ġodda. Dawn l-intrapriżi qed isibu sostenn f’dik magħrufa bħala SME Diversification and Innovation Grant Scheme.

Hemm ukoll għotjiet oħra fl-iskema magħrufa bhala Start-up Investment Grant Scheme li tgħin lil intrapriżi li jkunu għadhom qed jibdew iħejju pjan għan-negozju tagħhom. Min-naħa l-oħra kumpaniji stabbiliti qed jiġu mħajjra jkabbru l-operat tagħhom u jimpjegaw aktar nies permezz tal-SME Growth Scheme, li tipprovdilhom għajnuna finanzjarja diretta biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.

Barra l-għajnuna finanzjarji diretta, Fondi Ewropej oħra li jaqbżu l-€15 miljun qed jingħataw f’forma ta’ strumenti finanzjarji bħala self b’imgħax sussidjat b’appoġġ għal inizjattivi favur aktar effiċjenza u sostenibbilta f’intrapriżi ta’ daqs żgħir jew medju.

Għad fadal żmien sa l-aħħar ta’ Ġunju li ġej biex l-intrapriżi tagħna jaraw minn liema skemi Business Enhance jistgħu jibbenefikaw u jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom biex huma wkoll jibbenefikaw minn dawn l-iskemi. Waqt li l-programm ta’ Skemi ta’ bħalissa qed joqrob lejn tmiemu, għaddej ukoll ix-xogħol biex fil-programm il-ġdid ta’ Fondi Ewropej għas-snin 2021-2027, jerġa’ jkun hemm ukoll skemi aktar b’saħħithom u aħjar li bihom jiġu mgħejjuna in-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju f’pajjiżna.

 

Nota: Dan ittieħed qabel ma tħabbru l-miżuri relatati mal-maskri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com