Karol Aquilina Jirriżenja Minn Kelliem Tal-Oppożizzjoni U Minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari Tal-PN

 Karol Aquilina Jirriżenja Minn Kelliem Tal-Oppożizzjoni U Minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari Tal-PN

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ħabbar li rriżenja minn kelliem tal-Oppożizzjoni u mill-grupp Parlamentari tal-PN wara li dalgħodu ġie notifikat mill-Pulizija li se jittieħdu passi fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ każ li seħħ f’Ġunju ta’ sentejn ilu meta kien involut f’inċident ma’ Pulizija tat-traffiku waqt li kien fi triqtu għall-Parlament.

Karol Aquilina qal li jiddikjara li bl-ebda mod ma hu ħati tal-akkużi li se jinġiebu kontrih, u li se jkun qed jiġġieled għall-innoċenza tiegħu fil-Qorti. Żied jgħid li m’għandux dubju “li se jkun hemm min jipprova juża dawn l-akkużi għall-gwadann politiku u biex jiddevja l-attenzjoni tal-poplu mill-iskandli oxxeni tal-Gvern Laburista”.

Għaldaqstant, żied jgħid li kiteb lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u infurmah li qed jirreżenja b’mod immedjat mir-rwoli tiegħu ta’ Kelliem għall-Ġustizzja u r-Riformi Elettorali u minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari.

Karol Aquilina fakkar li meta l-Ministru Owen Bonnici tressaq il-Qorti b’akkużi relatati mas-sewqan, huwa baqa’ jżomm postu bħala Ministru tal-Ġustizzja. “Aħna tal-Partit Nazzjonalista nemmnu u nipprattikaw standards ferm ogħla minn tal-Partit Laburista” sostna Aquilina.
“Irrid li din ir-riżenja sservi ta’ eżempju u ta’ xhieda li aħna l-istandards mhux biss nitkellmu dwarhom, imma ngħixuhom u nipprattikawhom”, temm jgħid Karol Aquilina.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com