Imnedija Konsultazzjoni Pubblika Dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu
Jumejn qabel jibda April, ix-xahar internazzjonali ddedikat għall-awtiżmu, tnieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għall-istrateġija nazzjonali ta’ Malta dwar l-awtiżmu għas-snin 2021-2030. L-awtiżmu hija diżabbiltà żviluppatorja li tista’ tikkawża sfidi sinifikanti fl-oqsma soċjali, komunikattivi u ta’ mġieba. L-istrateġija, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha għal pajjiżna, tnediet mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja. It-tema tal-istrateġija hija ‘Nirrispettaw id-Diversità – Inħarsu l-Ugwaljanza’.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-istrateġija hija riżultat ta’ proċess komprensiv li l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu kellu ma’ stakeholders differenti, kemm mix-xena lokali kif ukoll barranija. “Hija strateġija li tirrifletti r-realtà. Ta’ sodisfazzjon kbir huwa l-fatt li din hija strateġija unika meta mqabbla ma’ ta’ pajjiżi oħrajn. Ma tħarisx biss lejn l-aspett mediku, jew lejn l-adulti jew it-tfal biss. L-istrateġija tkopri lill-persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, sa mill-bidu tal-ħajja tagħhom, tkun xi tkun l-età tal-persuna. Strateġija li tkopri anke l-anzjanità u l-awtiżmu, li ħafna pajjiżi ma jagħtuwiex daqsekk attenzjoni, minkejja li hija realtà koperta wkoll mir-riċerka,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-bidu tal-ħidma fuq din l-istrateġija jmur lura għas-sena 2018 meta twaqqaf il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu taħt it-tmexxija taċ-Chairperson Alistair de Gaetano. Il-Kunsill huwa ffurmat minn rappreżentanti tas-Segretarji Permanenti tal-Ministeri responsabbli mid-Diżabbiltà, l-Edukazzjoni u s-Saħħa; rappreżentanti tal-Fakultajiet rispettivi fl-Università ta’ Malta; mit-tmexxija tal-Aġenzija Sapport u CRPD u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li dejjem jinkludu persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, Dr Alistair de Gaetano, saħaq illi din l-istrateġija għandha tkun eżempju ta’ kif entitajiet u stakeholders differenti jistgħu jaħdmu flimkien. Permezz ta’ din l-istrateġija, l-esperjenzi u l-għarfien professjonali ta’ esperti u attivisti minn setturi differenti ġew miġbura f’dokument wieħed. Dan sar sabiex ikun imfassal pjan ta’ azzjoni nazzjonali illi jindirizza dak kollu illi verament hemm bżonn illi jitwettaq biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet u jitħarsu d-drittijiet ta’ persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtizmu f’Malta.
Is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella spjega kif din l-strateġija hija msejsa fuq 7 pilastri u 47 miżura li fuq kollox qed jixprunaw bidliet soċjali għall-persuni bl-awtiżmu u dawk l-iktar qrib tagħhom. Permezz tal-pilastri f’din l-istrateġija fosthom l-edukazzjoni u x-xogħol kif ukoll l-attiviżmu qed naraw li dawn il-persuni tassew ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma mwettqa mill-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalita’ tal-Ħajja. Fost il-miżuri li qed naraw f’din l-istrateġija nsibu kampanji edukattivi kemm fil-midja stampata kif ukoll midja soċjali kif ukoll aspetti ta’ taħriġ, u konsultazzjoni mal-partijiet involuti.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata ukoll minn Dr Lydia Abela li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li Malta qed tniedi l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu sabiex, wara eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin tiġi adottata u tibda l-implimentazzjoni tagħha. Dr Lydia Abela qalet li l-istrateġija hija waħda ħolistika li mhux biss tindirizza l-isfidi ta’ persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, iżda tiffaċilita kisbiet li dawn il-persuni jkunu jixtiequ jagħmlu matul ħajjithom.
It-tema tal-Ġnus Magħquda għal din is-sena għax-xahar internazzjonali tal-awtiżmu hija ‘L-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol’, Kapitlu 4 tal-istrateġija nazzjonali ta’ Malta dwar l-awtiżmu jitratta dan l-aspett.
Il-konsultazzjoni pubblika tibda t-Tlieta, 30 ta’ Marzu 2021 u tagħlaq it-Tlieta, 20 ta’ April 2021. Aċċess għall-proċess ta’ konsultazzjoni jista’ jinkiseb minn fuq il-website tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru www.konsultazzjoni.gov.mt
Ritratt: DOI / James Galea