310 Triq Residenzjali Lesti – Qed Jinbnew 4 Toroq Kull Ġimgħa
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar Triq San Patrizju, Triq San Aristarku u Triq San Tumas fir-Rabat, tliet toroq li se jkunu qed jitlestew din il-ġimgħa, u li huma fost 310 triq residenzjali li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid madwar il-pajjiż mill-proġett tat-toroq residenzjali b’investiment ta’ €700 miljun. Preżenti ukoll kien hemm is-Sindku tar-Rabat, is-Sur Sandro Craus.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Qed inżommu kelmtna, u l-wegħda li għamilna permezz tal-investiment ta’ €700 miljun qed isseħħ. Vera għadna ma wasalniex però r-riżultati qegħdin hemm u jidhru. Iżda l-ikbar sodisfazzjon għalina huwa li diġà għandna eluf ta’ familji li grazzi għal din il-ħidma bdew igawdu minn toroq residenzjali ta’ kwalità għolja u ambjent aħjar fejn jgħixu. Fis-snin li ġejjin il-familji kollha se jkunu qed jesperjenzaw l-istess. L-impenn tagħna għall-infrastruttura ta’ pajjiżna huwa wieħed ħolistiku. Għalina kulħadd huwa importanti ndaqs u b’hekk ninsabu determinati li nkomplu nwasslu titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd b’ħidma għaqlija u li ma taqtax.”
Dawn it-toroq kollha jammontaw għal aktar minn 110 kilometri, li fihom l-aġenzija tejbet 215-il kilometru ta’ bankini u poġġiet madwar 370 kilometru ta’ sistemi ġodda taħt l-art, li jikludu pajipijiet tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, kanali għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u trinek għall-cables tal-Internet u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni.
Preżentament, fl-ewwel kwart tal-2021, bejn Jannar u Marzu, l-aġenzija Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 25 triq residenzjali. Dan ifisser li bħala medja, l-aġenzija din is-sena qed tibni mal-erba’ toroq kull ġimgħa bejn dawk residenzjali u toroq qalb il-kampanja.