“Sa Ġunju Nkunu Laqqamna 70% Tal-Popolazzjoni… Sa Nofs Awwissu Nagħtu Doża Lil Kull Adult” – Il-Prim Ministru

 “Sa Ġunju Nkunu Laqqamna 70% Tal-Popolazzjoni… Sa Nofs Awwissu Nagħtu Doża Lil Kull Adult” – Il-Prim Ministru

“Sal-aħħar ta’ Ġunju għandna target ambizzjuż li nkunu laqqamna 70% tal-popolazzjoni. Sa nofs Awwissu nagħtu doża lil kull adult. Jien nemmen u fiduċjuż li b’iżjed ħidma saħansitra nistgħu ntejbu dawk it-targets.” Waqt intervista, il-Prim Ministru Robert Abela qal dan filwaqt li semma kif illum għandna 240,000 doża ta’ vaċċin li ġiet amministrata, 68,000 persuna li saħansitra ħadu t-tieni doża.

“Ottubru li għadda kien hemm min qalilna li mhux ħa jirnexxielna nġibu l-vaċċin qabel April. Konna ambizzjużi fit-target tagħna tant li l-vaċċin ġibnieh f’Diċembru flok Jannar.” Robert Abela saħaq kif dan ma seħħx b’kumbinazzjoni iżda b’deċiżjonijiet strateġiċi li ttieħdu numru ta’ xhur ilu.

Il-Prim Ministru sostna li “kull pajjiż mis-27 Stat Membru Ewropew kellu l-għażliet tiegħu. Għamilna tagħna b’mod ambizzjuż għax kellna ekonomija li tippermetti. Għamilna l-għażla li nixtru minn kull produttur u ma nixtrux biss daqs kemm għandna popolazzjoni. L-Oppożizzjoni qaltilna li qed inberbqu l-flus fil-pandemija. Illum taw raġun dawn id-deċiżjonijiet stretaġiċi.”

Il-Prim Ministru qal dan filwaqt li żgura l-importanza tad-deċiżjoni li “ma straħniex fuq produttur wieħed. Kellna ras għal ras iktar milli kellu kull pajjiż Ewropew ieħor. Il-vaċċin jasal minn barra u nlaqqmu mill-ewwel. L-akbar riżultat hu li n-numru ta’ admissions f’Mater Dei qed jonqos, rata ta’ nies fil-kura intensiva u rata ta’ mwiet li qed tonqos ukoll. Dawn ir-riżultati li qed ikollna. Fuq livell ekonomiku, it-turisti qed jagħmlu l-għażliet tagħhom u qed iħarsu lejn dawn il-fatturi kollha.”

Filwaqt li jifhem lil kulħadd, il-Prim Ministru sostna li t-tliet prijoritajiet fl-aħħar xhur kienu s-saħħa, l-edukazzjoni u l-anzjani.

“Is-saħħa li bl-ewwel sett ta’ miżuri li ħa nkunu qed inneħħu ma niġux f’sitwazzjoni fejn immorru lura flok ‘il quddiem. L-edukazzjoni wieħed mill-aktar setturi li sofrew pressure u ma jistax ikollna sitwazzjoni fejn l-iżvilupp tat-tfal jiġi preġudikat. Kellna sistema online li ħadmet imma xejn ma jista’ jissostitwixxi l-preżenza fiżika fil-klassi. L-anzjani li minn għada min qed jgħix fid-djar tal-anzjani jista’ jkollu visitors u din hija xi ħaġa fil-fehma tiegħi importanti ħafna għax l-esperjenza li tkun ‘il bogħod mill-għeżież tiegħek hija trawmatika.”

Robert Abela qal ukoll li t-target kruċjali se jibqa’ l-1 ta’ Ġunju, “naħdmu id f’id biex niżguraw futur sabiħ lil pajjiżna.”

 “Dejjem tlaqna mill-punt ta’ prijorita’ is-saħħa tan-nies. Dak kien il-prinċipju gwida li tlaqna bih u li se jibqa’ jmexxina iżda ma nistgħux ninjoraw il-ħobża ta’ kuljum.”

Il-Prim Ministru qal dan fikwaqt li semma kif kulħadd irid kwalita’ ta’ ħajja tajba. “X’kien l-approach tagħna? Ħarisna lejn in-nefqa soċjali. Rajna x’għamlu ta’ qabilna fi kriżi ekonomika li kienet għaxar darbiet inqas minn dik tal-lum. Ta’ qabilna, ic-children’s allowance naqsu n-nefqa b’2 miljuni. Aħna żidniha b’ żewġ miljuni u nofs. L-għażla kienet jew li nħallu n-nies waħedhom jew li ninvestu fin-nies. Għażilna t-tieni triq.”

Il-Prim Ministru qal kif dan kien strumentali biex ġew protetti 100,000 impjieg. “Tajna wage supplement ta’ 800 ewro fix-xahar. Dak il-wage supplement se jibqa’ jitħallas sakemm niżguraw li l-businesses jistgħu jgħixu mingħajru. Kellna karus li stajna ndaħħlu jdejna u n-nies tajnihom.”

Robert Abela ħabbar ukoll kif bħalissa qed tiġi diskussa aktar għajnuna lis-servizzi l-aktar milquta.

Dan hu mument fejn iddefinixxa kemm il-Partit Laburista jemminx fin-nies tiegħu jew le.

“X’kuraġġ tagħmel meta fil-moviment tara żgħażagħ ta’ stoffa. Tant tagħmel kuraġġ biex nibqgħu flimkien u nagħmlu l-bidliet. Bidliet fl-infrastruttura. Sodisfatt li s’issa għamilna 310 triq mill-pjan ambizzjuż biex nirriġeneraw l-infrastruttura… L-IMF qalet li fl-2021 pajjiżna jkollu l-anqas rata ta’ qgħad. F’xahar ta sfidi tara li kien l-aqwa xahar li qatt ġew iffirmati konvenji.”

Il-Prim Ministru emfasizza wkoll il-bidla importanti għall-electrification tal-vetturi. “Tajna grants li huma aktar milli qatt kienu qabel. Jekk għandna direzzjoni li mmorru fiha, ninċentivaw lin-nies beix immorru fiha. Żieda sostanzjali ta’ eluf ta’ ewro biex in-nies imorru għall-vetturi battery operated. Bl-istess mod sinifikanti  l-1 ta’ Ġunju. Ritorn tat-turiżmu f’pajjiżna u s-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex. Se tinħoloq konnettivita’ ġdida li l-element ewlieni jibqa’ l-effiċjenza.”

Robert Abela saħaq ukoll kif riformi oħra bħar-riforma tal-kirjiet hija waħda mill-akbar riformi li għamel pajjiżna tant li tiddefinixxi l-prinċipji soċjali ta’ dan il-Gvern.

“Bidliet li tant għamlu differenza fil-ħajja tan-nies. Ma  nħallu l-ebda numri li tikbrilna rasna bihom. Nibqgħu viċin in-nies. Ejja nżommu saqajna mal-art. Dik tibqa’ r-riċetta ewlenija. Nibqgħu nagħmlu l-ġid u r-riformi u noħolqu Għawdex u Malta dejjem isbaħ.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com