Żewġ Surveys: Il-Laburisti Kuntenti U N-Nazzjonalista Kuntenti; Għaliex?
Il-Ħadd filgħodu l-gazzetti t-Torċa u l-Maltatoday ippubblikaw stħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Kemm il-Laburisti kif ukoll in-nazzjonalisti huma kuntenti b’dawn ir-riżultati, għaliex?
Iż-żewġ surveys taw riżultat b’saħħtu favur il-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista jekk issir elezzjoni għada u l-Partit Laburista jirbaħ b’madwar 27,000 vot.
L-istħarriġ tat-Torċa, magħmul minn Dr Vincent Marmara’ juri li l-partiti politiċi qed iżommu r-riżultat fl-istess ilma tal-elezzjoni tal-2017, bil-Partit Laburista jżomm vantaġġ ta’ 10% fuq il-Partit Nazzjonalista u Robert Abela fdat 12% iktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Anke l-istħarriġ tal-Maltatoday juri li Robert Abela jgawdi fiduċja ferm ikbar bid-differenza f’dan il-każ tlaħħaq il-11%.
Imqabbel mal-aħħar stħarriġ tal-istess gazzetta, Robert Abela żied il-fiduċja b’iktar minn 7%.
Minn naha l-oħra n-Nazzjonalista huma kuntenti għaliex is-surveys ippubblikati jagħtu xejra pożittiva għall-PN.
Is-survey ippubblikat fit-Torċa juri li minn Jannar sal-lum il-PN naqqas id-distakk b’madwar 10,000 vot, filwaqt li Bernard Grech żied 4.4% mis-survey li sar f’Jannar li għadda.
Jekk wieħed iqabbel l-istess perjodu għas-survey tal-MaltaToday isib li hawn ukoll id-distakk naqas b’madwar 7,000 vot. Mill-aħħar elezzjoni il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk b’terz, b’żieda ta’ aktar minn 10,000 vot fl-aħħar xahar.
Skont l-istħarriġ tal-MaltaToday il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irreġistra l-ogħla persentaġġ ta’ fiduċja fost in-nies… dik ta’ 35.8%… żieda ta’ 1% fuq ix-xahar li għadda.
Id-differenza fin-numru assolut ta’ voti hija l-aktar waħda baxxa minn Ġunju tal-2017 u ftit aħjar minn Ġunju tal-2017.
Naturalment għall-elezzjoni fadal u għalhekk nistennew u naraw x’ser ikun ir-riżultat għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-elezzjonijiet jiddeterminaw kollox.