Mark A. Sammut Sassi Iwieġeb Lil Rosianne Cutajar Dwar Il-Prostituzzjoni
Mark A. Sammut Sassi wieġeb lill-Onorevoli Rosianne Cutajar wara l-artiklu tal-bieraħ fejn Sassi ħa eżempju ta’ missier u bint li jitkellmu bejniethom u l-missier itenni li l-Labour irid lill-bniet isiru prostituti. Pà!” “Għidli, binti!” “La nikber irrid insir prostituta!” “Ħeqq, x’nista’ ngħidlek binti? Studja u tgħallem, għax il-Labour hekk iridek!”
Fi tweġiba minn Sammut Sassi, saħaq li Cutajar għandha diffikultà serja bir-raġunament. Dan għal dak li qalet Cutajar: “billi tipproteġi persuni, ma jfissirx li qed tħeġġeġ oħrajn jibdew jagħmlu l-istess. “Dan jappella wkoll bħal fil-każ tal-legalizzazzjoni tal-kannabis.”
Beda biex qal li din mhix kruċjata personali tal-Onorevoli Cutajar għaliex il-prostituzzjoni tissemma fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista tal-2017 f’paġna 159. “Però Ms Cutajar qed tressaq argument li nimmaġina sar waqt id-diskussjonijiet interni, fil-famuż raba’ sular, meta kienu qed iħejju l-Manifest Elettorali. U hu argument żbaljat”, saħaq Sammut Sassi.
Enfasizza li meta inti tagħti l-impressjoni li xi ħaġa mhix ħażina, imma tagħti l-għażla, qiegħed mingħajr ma tgħidha ċara u tonda twassal il-messaġġ li dik il-ħaġa hi tajba u qal li meta persuna tgħidilha “Dan agħżel inti”, moħħ il-bniedem jifhem li hi tajba u jista’ jagħmilha. “Għax jekk mhix tajba, għalxiex tkun tajtu l-għażla?”, tenna Mark.
Spjega kif tiġik leblieba li tagħmilha u li għalhekk, l-argument ta’ Cutajar huwa żbaljat. Hawnhekk ħa eżempju bil-filosfu kontemporanju Slavoj Zizek, fejn qal li dan il-fenomenu spjegah: “If you can, you must”. Jekk tista’ se tibda tħoss li għandek.
“Din hi l-problema wara l-mod tal-ħsieb liberali li Ms Cutajar timxi warajh, x’aktarx mingħajr ma qagħdet tixtarru sew. Aħjar noqogħdu pass lura, milli niftħu kaxxa ta’ Pandora li l-Bambin biss jaf fiex tista’ twassal!”, kitbilna fi tweġiba twila Mark A. Sammut Sassi.
Hu temm jistaqsi għaliex fil-Manifest Elettorali tal-PL fl-2017 kien hemm miktub li trid issir diskussjoni u issa, ser jgħaddu għal pjan t’azzjoni fejn ma tawx każ il-parir tal-esperti?!
“Qed jagħmlu l-istess bil-ħaxixa. Min hemm wara dan kollu? Il-but ta’ min se jeħxien?”, spiċċa jgħid Sammut Sassi.