Il-Kap Eżekuttiv Tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Joħloq Elezzjoni Għall-Kariga Tiegħu

 Il-Kap Eżekuttiv Tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Joħloq Elezzjoni Għall-Kariga Tiegħu

Mark Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ħabbar li se tkun qiegħda ssir elezzjoni għal din il-pożizzjoni tiegħu u huwa se jerġa’ jikkontesta.

Camilleri qal li l-għaqdiet kulturali m’għandhomx jitmexxew minn nies li huma appuntati mill-Gvern u jista’ jkun li hawn min jibża’ li l-kittieba u l-pubblikaturi jkollhom daqshekk saħħa fis-soċjetà ekonomika u ċivili. Camilleri talab lill-kapijiet kollha tal-entitajiet kulturali tal-Gvern biex jieħdu l-eżempju tiegħu, jibnu l-istrutturi demokratiċi fl-entitajiet tagħhom, u jsejħu elezzjoni għall-pożizzjoni tagħhom, flok jinħatru mill-Gvern.

Fl-ittra tiegħu Camilleri spjega li matul it-tmien snin li ilu fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv huwa biddel l-entità minn organizzazzjoni voluntarja, ta’ ftit nies u bla fondi, għal entità istituzzjonali professjonali b’baġit sostanzjali u li tgawdi l-appoġġ u r-rispett kemm f’Malta u f’ħafna pajjiżi barranin.

Camilleri qal “assigurajt li l-KNK qatt ma jkollu ndħil politiku u li l-libertà tal-kelma tkun assigurata. Kont jien li ktibt r-riformi legali tal-libertajiet tal-kelma, u dan l-aħħar komplejt bir-riforma tad-drittijiet ekonomiċi tal-awtur (il-copyright).

Huwa spjega li jekk jingħata l-fiduċja biex imexxi l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għat-tliet snin li ġejjin se jkun qiegħed ikompli l-mandat li kien approvat mill-Kungress tal-Kittieba. Żied li huwa jixtieq li jikkonkludi l-proġett tal-Belt fejn qed jiġi restawrat palazz antik biex jiġi ċentru letterarju u ħanut tal-kotba li se jkollu importanza kbira għal din l-industrija. Saħaq li huwa jixtieq li l-KNK ikun jista’ jerġa’ juża Sala Repubblika ta’ Dar il-Mediterran għall-Festival Nazzjonal tal-Ktieb, anke jekk ikollu bħala kunsill jisfida lill-Gvern b’każijiet legali.

Camilleri talab l-appoġġ ta’ dawk li jistgħu jivvotaw u qal li jemmen li l-kandidat rebbieħ għandu jkollu l-appoġġ unanimu tal-pubblikaturi u l-kittieba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com