Il-PN Tenna Li L-Poplu Jistenna Ġustizzja Ma’ Min Kien Involut F’Dawn Id-Delitti Serji

 Il-PN Tenna Li L-Poplu Jistenna Ġustizzja Ma’ Min Kien Involut F’Dawn Id-Delitti Serji

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista intqal li l-Gvern iddikjara li l-Kabinett iddeċieda, fuq parir tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, li ma jirrakkomandax li tingħata proklama lill-aħwa Degiorgio u lil Vincent Muscat.

Intqal li l-Partit Nazzjonalista filwaqt li jirrispetta dawn il-pariri li qed jingħad li ngħata l-Gvern, jinsisti li l-poplu għandu d-dritt ikun jaf jekk dan il-parir hux ibbażat fuq:

1. Jekk il-Pulizija għandix f’idha provi oħrajn u allura m’hemmx bżonn ta’ din il-proklama sabiex issolvi d-delitti li l-persuni nvoluti jistgħu jixhdu fuqhom.

2. Jekk il-Pulizija mhix qed temmen lill-aħwa Degiorgio u lil Vincent Muscat u għalhekk, skartat il-ħtieġa li jingħataw proklama.

3. Jekk il-fatti li ngħad li jafu l-individwi li talbu l-proklama humiex korraborati u;

4. Jekk hux għal xi raġunijiet oħra.

Il-PN tenna li l-poplu kollu jistenna illi ssir ġustizzja ma’ min kien b’xi mod involut f’dawn id-delitti daqstant serji u għaldaqstant, il-Partit  “jistenna dikjarazzjoni immedjata tal-Kummissarju tal-Pulizija dwar dak indikat hawn fuq u l-azzjoni meħtieġa, jekk u fejn meħtieġ.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com