Inqabad B’Ammont Ta’ Droga Lesta Għat-Traffikar
Raġel ta’ 38 sena li jgħix il-Marsa, ġie arrestat wara li nqabad b’ammont ta’ droga, lesta għat-traffikar.
Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, bl-assistenza tar-Rapid Intervention Unit, arrestat lir-raġel fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa. Waqt tfittxijiet li saru fuqu nstabu madwar 70 qratas droga suspettata kokaina u 8 qratas suspettata droga eroina.
B’rabta ma’ din is-sejba, inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak, filwaqt li komplew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu, għal ħabta tal-ħdax u nofs (1130hrs), quddiem ilMaġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, fost oħrajn.