Florentino Pérez Kellu Jibla Kliemu.. Min Se Jkunu L-Vittmi Finalment Ta’ Din Il-Messa In Scena Kollha?!
Wara dik li ma’ kienet xejn ħlief messa in scena bl-aħħar 48 siegħa jġibu magħhom qasma bla preċedent fil-futbol Ewropew, minn issa ‘l quddiem jibdew joħorġu r-riperkussjonijiet wara li din il-proposta tal-European Super League issa ġiet irtirata.
Kull azzjoni fid-dinja jkun hemm konsegwenza għaliha u din mhiex eċċezzjoni.
L-Ħadd filgħaxija, tnax-il klabb Ewropej meqjusa superpotenzi resqu ‘l quddiem il-proposta li jħallu l-UEFA u l-FIFA u jmorru għal rashom f’dan il-proġett ġdid bl-isem ta’ European Super League.
Proposta li qajmet furur kbir fid-dinja tal-futbol, il-partitarji fuq quddiem bi protesti kbar, il-klabbs minn pajjiżi żgħar li beżaw li kienu se jitilfu l-ħlasijiet mill-UEFA u riperkussjonijiet oħra li bdew jissemmew fl-eventwalita li dan is-Super League jitlaq jiġri.
Il-President ta’ Real Madrid Florentino Perez li kien minn ta’ quddiem f’din l-idea sħiħa, tant li anke nħatar chairman ta’ dan is-Super League, saħansitra t-Tlieta tenna li ħadd mhu qed jifhem xejn u li dan il-proġett irid jiskatta bilfors, jew inkella ħafna klabbs ikollhom jagħlqu l-bibien tagħhom.
Dan minħabba li skont hu, l-istatus quo preżenti mhuwiex sostenibbli għal ħafna klabbs u kellu bilfors jiġri xi ħaġa, sadanittant il-UEFA xammret il-kmiem u ħabbret riforma fil-UEFA Champions League mill-istaġun 2024/25, b’36-tim fil-kompetizzjoni li jilgħabu f’kampjonat wieħed minflok il-format preżenti tal-gruppi.
Allura issa li dan is-Super League u l-proposti mdawwrin miegħu ġew irtirati min se jkunu l-vittmi.
IL-PARTITARJU, mportanti kemm hu mportanti, għexniha fl-aħħar xhur tal-COVID19, mingħajru l-futbol baqa’ għaddej, is-supporter jeħtieġ iżomm naqa’ konsistenza ukoll, l-istess supporter li xi snin ilu glorifika lis-sidien ġodda li daħlu b’ħafna pompa mill-Istati Uniti u kontinenti oħra fil-klabb rispettiv tagħhom b’injezzjoni qawwija ta’ flus u nvestimenti kbar, illum iridu jaqtawlhom rashom barra.
Il-partitarju huwa komponent importanti fil-futbol, imma llum il-futbol m’għadhux passjoni biss, semmejna kemm-il darba, l-futbol sar akbar minn dixxiplina sportiva, huwa ndustrija kbira fid-dinja.
Il-partitarju jrid jifhem x’jista jkun hemm bħalissa fil-but ta’ dak l-investitur li xi snin ilu salva l-klabb minn djun kbar u probabbilta ta’ falliment, dak iż-żmien m’għamilx hekk għax iħobb il-klabb, iżda b’tir ta’ nvestiment u li jekk se joħroġ €100, xi żmien wara jagħmilhom €200, fl-istess ħin iżda li l-klabb li jkun qed jamministra jibqa jtejjeb il-livelli u l-istandards tiegħu u jkun kompetittiv minn staġun għall-ieħor.
Illum dak l-investitur jew kumpanija, Fenway Sports Group għal Liverpool FC, il-familja Glazer għal Manchetser United, Sheikh Mansour ta’ Manchester City, Roman Abramovich ta’ Chelsea u oħrajn, issa qed jirrejalizzaw li dak li proġettaw, illum anke minħabba li l-pandemija kissrithom bħal m’għamlet lil kulħadd, qed jispiċċalhom suf.
L-injezzjoni ta’ ‘l fuq minn TLIET BILJUN EWRO li wiegħdet biex jiskatta dan il-proġett il-kumpanija Amerikana għas-servizzi finanzjarji JP Morgan kienu wisq attrajenti, l-European Super League kien qed iwiegħed li l-proġett kien se jkun sostenibbli anke għall-klabbs iż-żgħar bħal dawk Maltin, saħansitra dawn ġew imwiegħda t-triplu tas-Solidarity Payments li fil-preżent jingħataw mill-UEFA.
Imma filwaqt li mhux qed ngħidu li l-proġett kien tajjeb jew ħażin, dak irid issa jkun iż-żmien li jsajjar il-bajtar fil-kuntest kollu, pjuttost jidher li fuq dan il-proġett ħafna kienu dawk li nfaxxaw rashom qabel qasmuha.
Issa allura li għadda kollox, jew minn għalina li għadda kollox, se jkun il-player fl-aħħar mill-aħħar li jbati ?!
La s-sidien tal-klabbs il-kbar qed jgħidu li d-djun kibru, għandhom problemi finanzjarji kbar u nvestiment mhux ġej, min ser jerfa’ l-akbar piż f’din is-sitwazzjoni (kriżi) kollha li l-Futbol Dinji se jkun qed jgħaddi minna fiż-żmien li ġej.
- Se jkun hemm tnaqqis sostanzjali fis-salary caps u allura jonqsu b’mod sinjifikanti s-salarji goffi li l-players għandhom fil-preżent?
- Il-player se jaċċetta dan it-tnaqqis?
- X’se jgħidu l-għaqdiet u unions tal-players jekk jiġri dan kollu?
- U l-aġenti li sa issa fil-kwistjoni kollha qagħdu siekta, iżda probabbilment huma l-akbar ħsara tal-logħba tal-futbol moderna. X’jaħsbu dwar dan kollu u l-possbilta li s-salarji jonqsu, allura awtomatikament inqas ‘commissions’ għalihom?
La darba t-terremot issa għadda, wieħed jittama li fil-ħsieb tat-tnax-il klabb li riedu jwaqqfu s-Super League kien li jħaxxnu buthom aktar. Wieħed verament jittama, għax jekk mhux hekk u minflok ħadu dal-pass biex jerġgħu iqumu fuq saqajhom u kienu ċerti li b’hekk biss il-logħba tal-ballun setgħet tibqa ħajja u kif nafuha llum, allura fiż-żmien li ġej se jkollna problemi kbar u kulħadd irid iċedi biċċa.
Bħal Bayern Munich, anke Paris St. Germain qagħdu barra minn dan il-kaos kollu, l-kumpanija Qatar Sports Investments immexxija minn Nasser Al-Khelaifi li tmexxi lill-ġganti Franċiżi m’għandhix bżonn profitti mill-ballun, iżda bħal Abramovich li kien ħareġ il-flus tiegħu mir-Russja biex iddribillja r-regoli stretti tar-reġim ta’ Vladimir Putin f’pajjiżu, anke l-investituri mill-Qatar li jmexxxu lil PSG b’saħħithom biżżejjed, l-importanti li ma’ jiġux imxekkla mir-regoli u l-burokrazija, mill-bqija m’għandhom għalfejn jissieħbu fl-ebda Super League, għax finanzjarjament u waħedhom b’saħħithom biżżejjed u għandhom bir bla qiegħ.
Wieħed għad irid jara x’se jkun il-futur tat-tliet klabbs Taljani parti minn dan il-proġett, Juventus, Milan u Inter, li probabbilment riedu aktar mid-disgħa l-oħra dan is-Super League minħabba sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra fil-klabb tagħhom, kif ukoll Manchester United bir-riżenja ta’ Ed Woodward minn Viċi Chairmann Eżekuttiv tal-klabb, kollha kemm huma b’saħħa favur dan il-proġett, b’Woodward jirriżenja minnufiħ mill-irwol tiegħu t-Tlieta filgħaxija wara diversi snin fit-tmexxija tar-Red Devils, appena deher biċ-ċar li dan il-proġett tal-European Super League kien sar irmiet.